Awdjo: “Il-pool kienet vojta għax il-familja Ingliża ġiet Malta f’Marzu”

Il-Maniġer Ġenerali tal-lukanda Seabank jgħid li l-lukanda se tieħu azzjoni legali kontra gazzetta Ingliża wara rapport żbaljat dwar allegat ilment ta’ familja Ingliża li ġiet Malta għal btala. Jisħaq li mhux minnu li l-lukanda se tagħti kumpens ta’ €1,500 lill-familja.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Maniġer Ġenerali Hubert Debono qal li fost l-ineżattezzi tar-rapport oriġinali tad-Daily Mail, hemm id-dati ta’ meta l-familja Pindar qattgħet tmint ijiem fil-lukanda tagħom fl-Għadira.
Spjega kif “mhux minnu li l-pixxina kienet bla ilma fl-aħħar ta’ Mejju, jiġifieri l-ġimgħa li għaddiet.” Żied jgħid li l-familja kienet fil-lukanda bejn it-28 ta’ Marzu u l-4 ta’ April, fiż-żmien meta tkun qed issir manutenzjoni fil-pixxini tal-lukandi fit-tħejjija għas-sajf.
Hubert Debono qal li d-dati fuq l-artiklu tad-Daily Mail ġew ikkoreġuti, imma xorta qed jingħad li din il-familja xtaqet tiġi Malta f’Marzu biex jgħumu u jixxemxu mal-pixxina ta’ barra.  Spjega li dan xorta ma setax isir minħabba l-maltemp u l-kesħa li jkun hawn f’Malta f’dawn iż-żminijiet.  
Semma wkoll kif l-operaturi tal-ivvjaġġar u anke fil-websajt tal-lukanda hemm imniżżel li fix-xitwa l-pixxini tal-lukanda jistgħu jkunu magħluqin, minħabba xogħol ta’ manutenzjoni. Barra minn hekk ir-residenti tal-lukandi setgħu użaw il-pixxina ta’ ġewwa, kif għamlet ukoll il-familja Ingliża.
Ċaħad ukoll li l-lukanda Seabank offriet kumpens lill-familja Pindar, minħabba li l-pixxina ma kinitx disponibbli. Madanakollu spjega kif wara lment leġittimu mill-familja li l-veduta mill-kamra ma kinitx attraenti minħabba x-xogħlijiet, il-maniġment tahom kamra b’veduta tal-baħar mingħajr ma żammilhom iktar flus.
Hubert Debono qal li jidher li l-€1,500 li l-familja qed issemmi li ħadet f’kumpens,  se jingħatalhom mill-aġenzija li magħha bbukkjaw il-btala.
Żied jgħid li s-Seabank diġà bagħtet ittra legali lid-Daily Mail.
Fost il-kummenti fuq ir-rapport tal-gazzetta Ingliża, li saru fost l-oħrajn minn għadd ta’ Maltin u anke barranin li qagħdu fil-lukanda, spikka l-kumment li fir-ritratti ppubblikati l-ħaddiema jidhru bi ħwejjeġ tax-xitwa.
Il-maniġer tal-lukanda saħaq li l-lukanda se tkompli taħdem biex ittejjeb is-servizz u l-prodott li toffri, biex ikomplu jkabbru l-familja ta’ klijenti sodisfatti, kif jixhduh kummenti fuq siti bħal Trip Advisor, li jikklassifika l-lukanda bħala t-tmien l-aqwa all inclusive resort fl-Ewropa.