Awdjo: Il-PN lest ikompli joħroġ għonqu għan-negozji żgħar

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista elenka l-proposti tiegħu relatati mal-politika tan-negozji żgħar u medji.

Il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta u Negozji Żgħar, Dr Jason Azzopardi, qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem wera fiduċja fin-negozji żgħar u dan ħalla l-frott.

Il-Ministru Azzopardi qal li l-Partit Nazzjonalista, mhux biss iħalli lin-negozji jaħdmu, iżda joffrulhom għajnuna u inċentivi.

Huwa sostna kif il-proposta tal-Partit Nazzjonalista dwar tariffi irħas ta’ matul il-lejl, se jagħmlu differenza kbira għal negozji li jużaw l-elettriku matul il-lejl.

Qal ukoll kif għall-kontijiet ta’ matul il-jum, in-negozji qed ikunu inċentivati biex jinvestu f’pannelli solari fost oħrajn. Dr Azzopardi kompla jgħid li fl-aħħar mill-aħħar, l-investituri qed jgħidulu li jafu jagħżlu bejn il-proposti taż-żewġ partiti.