Awdjo: Il-PN jelenka l-ħidma tiegħu fil-qasam tal-anzjani

Il-Partit Nazzjonalista beda il-ħames ġimgħa ta’ kampanja elettorali b’diversi proposti fil-qasam tas-saħħa relatati mal-anzjani.

Il-Prim Ministru u kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi, qal kif il-qasam tal-kura tal-anzjani tant kiber li hemm ftit inqas minn 3 t’elef persuna impjegat fl-industrija tal-caring.

Huwa qal li dan hu frott ta’ aktar nies qed jgħixu aktar, bi kwalita ta’ ħajja aħjar.

Dr Gonzi elenka l-ħidma li saret f’dawn l-aħħar ħames snin f’dan il-qasam, fosthom total ta’ 21 ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani u night shelters ġodda.

Il-Partit Nazzjonalista propona diversi inċentivi oħra, biex aktar anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità u sabiex jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol.

Il-Prim Ministru qal kif fl-aħħar ħames snin, il-gvern investa €180 elf kuljum għal aktar servizzi fil-komunità.

Dr Gonzi temm jgħid li gvern nazzjonalista, bi sħubija mal-privat, ikompli jsaħħaħ u jżid ma’ dawn is-servizzi fil-komunità għall-anzjani.