Awdjo: “Il-PM żbalja li ma neħħiex lil Konrad Mizzi” – Lino DeBono, eks-MP tal-PL

L-Eks Membru Parlamentari Laburista Lino DeBono, saħaq li l-Prim Ministru żbalja meta ma ħax azzjoni iebsa mill-bidu u baqa’ ma neħħiex lil Konrad Mizzi minn Ministru.
Ma' Newsbook.com.mt, l-eksdeputat Għawdxi qal li minn meta ħarġu l-provi li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kellhom kumpanija fil-Panama, ma waqfux l-insinwazzjonijiet li t-tielet kumpanija hija tal-Prim Ministru.
"Mhux etiku li Ministru jiftaħ kont fil-Panama"
Filwaqt li stqarr li legalment Mizzi m’għamel xejn ħażin, saħaq li politikament għamel suwiċidju. “Politikament mhux etiku li Ministru jiftaħ kont fil-Panama”, kompla jgħid DeBono.
L-eks MP sostna li għall-allegazzjonijiet li l-kumpanija Egrant hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, ma ġew ippreżentati l-ebda provi jew dokumenti.
Irrefera għall-kawża ta’ libell li fetaħ il-Prim Ministru fil-konfront tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Tenna li ma jaqbilx li każ bħal dan ma nstemax b’urġenza, kemm għax Prim Ministru mhux ċittadin bħal ħaddieħor u anke minħabba l-instabbilità fil-pajjiż minħabba l-għajdut kontinwu.
“Nistenna aħjar minn Joseph Muscat u Simon Busuttil”
Lino DeBono qal li jistenna ħafna aħjar mill-politiċi. Filwaqt li qal li l-mexxejja politiċi għadhom żgħar, enfasizza dwar il-ħtieġa li kultant ikunu politikament aktar maturi.
Semma r-rispett reċiproku li kellhom lejn xulxin Ġorġ Borġ Olivier u Duminku Mintoff, minkejja li ma kienu jaqblu f’xejn.
Ixejjen l-għajdut u jgħid li mhux ħiereġ għall-elezzjoni
DeBono xejjen l-għajdut li se jikkontesta mill-ġdid l-elezzjoni ġenerali. L-għajdut huma li DeBono se jikkontesta bħala kandidat indipendenti.
Spjega li meta bniedem jagħmel it-tiġrija u ma jirbaħx, ikun wasal iż-żmien li jwarrab. Semma kif ħareġ għall-elezzjoni tliet darbiet, u l-aħħar darba ma telax.
Madanakollu qal li għadu attiv fil-politika, bħala Segretarju tal-Eks-Membri Parlamentari taż-żewġ naħat tal-kamra u l-President ta’ 25 assoċjazzjoni Ewropea.
Dwar il-possibilità ta’ elezzjoni bikrija f’Ġunju, Lino DeBono stqarr li ma jemminx li ssir dalwaqt, minħabba li l-Prim Ministru għandu t-tmexxija tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u jiddubita kemm jista’ jkollu biżżejjed ħin biex jagħmel kampanja elettorali.
DeBono żied jgħid li kull Gvern f’sensih jagħmel baġit qabel l-elezzjoni u l-baġit għadu ma sarx.