Segwi l-filmat: ‘Il-PL jintervjeni fil-kwistjoni, aħna ngħaddu l-investigazzjoni għand l-awtoritajiet’ – Il-PM

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li l-kwistjonijiet ta’ dawn l-aħħar jiem juru d-differenza bejn iż-żewġ partiti, għaliex filwaqt li l-Partit Laburista jintervjeni fil-kwistjoni u jinsisti li ma jsirux investigazzjonijiet, il-Partit Nazzjonalista iħalli l-proċess għaddej u jgħaddi l-investigazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti.

Kien għalhekk li l-ministru Tonio Fenech għamel tajjeb meta rċieva informazzjoni mis-servizzi sigrieti, kompla jgħid Dr Gonzi.

Il-kap Nazzjonalista qal dan waqt żjara li għamel fil-Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar.

Huwa intlaqa’ minn bosta studenti bl-imkatar tal-Unjoni Ewropea u oħrajn b’tal-Partit Nazzjonalista.

F’kummenti li ta lil midja, huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jassigura li s-sistema edukattiva tadatta għall-ħtiġijiet tal-istudent, u mhux il-kontra. Kien għalhekk li daħlu ammont ta’ suġġetti ġodda bħal istudji ewropej u l-istudji legali fost oħrajn.

Waqt iż-żjara tiegħu, hu żar il-klassijiet, il-librerija u l-canteen fost oħrajn. Wara li ltaqa’ ma ġemgħa ta’ studenti li kienu qed jistennewh, huwa qalilhom li l-maġġor parti ta’ fondi ewropej li nnegozja mill-baġit Ewropew, se jiġu investiti fihom.