Awdjo: “Il-PL irid jibqa’ rebbieħ għal ġenerazzjoni sħiħa” – Chris Fearne

Il-Ministru tas-Saħħa, u kandidat għall-kariga ta’ Deputat Prim Ministru, Chris Fearne saħaq li l-Partit Laburista jrid ikun partit rebbieħ għal ġenerazzjoni sħiħa.
F’intervista waqt il-programm Newsline, is-Sibt filgħodu fuq RTK, Chris Fearne qal li r-riżultat personali fl-aħħar elezzjoni, tah il-kuraġġ u d-determinazzjoni biex jikkontesta għall-kariga ta’ Deputat Mexxej.
Qal li ilu jimmilita fil-Partit Laburista sa minn meta kellu 17-il sena u semma kif wara l-elezzjoni tal-2008, Joseph Muscat kien avviċinah biex ikun parti mit-tim tal-kandidatura tiegħu għall-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista, u sab ruħu fil-Parlament fl-elezzjoni ta’ wara.
Mistoqsi dwar l-isfidi li l-Partit Laburista għandu bħala l-partit fil-Gvern, huwa qal li l-ikbar waħda hija li l-Partit jibqa’ għaddej, jiba’ qrib in-nies u ma jħallix l-arroganza jew l-ewforija tar-rebħa titla’ għal rasu.
Saħaq li jekk il-Partit jaħdem fuq din il-linja, se jkun qed jassigura li jibqa’ rebbieħ għal ġenerazzjoni sħiħa, u potenzjalment jagħmel 20 sena fil-Gvern.
Meta tkellem dwar il-kandidatura tiegħu, Fearne qal li għandu l-istess determinazzjoni u enerġija bħal m’għandu Joseph Muscat u li se jagħmel minn kollox biex jikkonvinċi lil Muscat biex jibqa’ fit-tmun tal-Partit Laburista għal snin twal.
Saħaq li s-suċċess li nkiseb fil-qasam tas-Saħħa taħt it-tmexxija tiegħu bħala Ministru, huwa ċertifikat biżżejjed għalih biex fuqu jibni l-kandidatura tiegħu għal Deputat Mexxej.