Awdjo: Il-Pjazza tat-Tokk se titlesta dalwaqt…is-siġar se jibqgħu hemm?

Il-proġett ta’ Pjazza Indipendenza fir-Rabat Għawdex, jew kif inhi l-aktar magħrufa It-Tokk, se jitlesta sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Waqt il-programm Baħar Jaqsam fuq RTK, is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria Samuel Azzopardi qal li l-proġett qed jersaq lejn tmiemu, u li fadal huma biss “irqaqat żgħar.”
Spjega li lejn l-aħħar ta’ Ġunju, il-pjazza għandha tkun lesta, bil-ftuħ uffiċjali jsir lejn Settembru, wara l-istaġun tal-festi.
Dr Azzopardi sostna li l-proġett se jkun aċċessibbli għal kulħadd u lest fil-ħin biex isiru l-preparamenti għaż-żewġ festi ewlenin fir-Rabat.
Is-Sindku qal li l-proġett sar biex itejjeb il-prodott u jagħti ħajja ġdida liċ-ċentru storiku tal-Belt Victoria.  Madanakollu hu konxju li l-proġett ħoloq inkonvenjent mhux żgħir lil tal-ħwienet, minħabba li għal xi perjodi l-aċċess għalihom kien magħluq.
Dwar il-polemika ta’ qlugħ tas-siġar li hemm fil-pjazza, Samuel Azzopardi tenna l-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria li s-siġar jinqalgħu.
Qal li s-siġar huma suġġetti għal applikazzjoni tal-MEPA hekk kif hemm appell quddiem it-tribunal. Żied jgħid li l-aħħar seduta se tinżamm fl-aħħar ta’ Lulju, fejn ftit taż-żmien wara tittieħed id-deċiżjoni aħħarija.
Spjega, li l-Kunsill se jibqa’ għaddej bix-xogħol ta’ pavimentar, u fejn hemm is-siġar, jimtela l-vojt biż-żrar biex ma jkunx ta’ periklu.
Samuel Azzopardi sostna li jekk eventwalment joħroġ il-permess ta’ qlugħ ta’ siġar, ikompli x-xogħol mingħajr ma ssir ħsara, la lis-siġar u lanqas lill-pavemintar.
Ritratt: Facebook