Awdjo: Il-petizzjoni u l-ittra mir-residenti ta’ Marsaxlokk huma gidba – Il-Viċi Sindku

Il-Viċi Sindku ta’ Marsaxlokk Karmenu Bugeja jinsisti li l-petizzjoni li nġabret miċ-ċittadini ta’ Marsaxlokk kif ukoll l-ittra lill-Prim Ministru huma finti u giddieba.
F’kummenti lil dan is-sit, Bugeja saħaq li mhux vera li 91% tal-popolazzjoni ta’ Marsaxlokk hija kontra l-proġett tal-ħażna tal-gass fil-bajja. Saħaq li biex jitwemmen dan in-numru, il-Kunsill irid jara l-isem u kunjom ta’ kull min iffirma l-ittra u l-petizzjoni.

Karmenu Bugeja spjega li meta kien qed jitħejja l-proġett tal-bini tal-ewwel power station f’Marsaxlokk, il-Kunsill kien ukoll ġabar petizzjoni ffirmata li kienet turi li 87% tal-popolazzjoni Xlukkajra kienet kontra. Iżda, saħaq Bugeja, “il-gvern ta’ dak iż-żmien baqa’ jirrombla minn fuq in-nies”.

Mistoqsi dwar jekk hux il-każ li l-Gvern preżenti se jkun qed jagħmel l-istess, iġifieri hu ukoll se jkun qed jinjora l-opinjoni tal-poplu ta’ Marsaxlokk, il-Viċi Sindku qal li hu la jrid dan il-proġett u lanqas dawk li saru qabel. Insista li f’Marsaxlokk sar “sfreġju, u se jibqa’ isir sfreġju”. Qal li jekk kellhom isiru proġetti ta’ 10 power stations oħra, f’Marsaxlokk se jsiru.
Sa sena ilu, spjega l-istess Karmenu Bugeja, il-Gvern ta’ qabel ried jagħmel inċineratur. Iżda issa, kompla Bugeja, il-Gvern issa se “jneħħi l-mard respiratorju”.
Nhar il-ġimgħa li għadda, grupp ta’ residenti minn Marsaxlokk kitbu ittra anonima lill-Prim Ministru u lill-Ministru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Konrad Mizzi b’akkużi li l-Partit Laburista tradijhom. Aktar tard, is-Sindku ta’ Marsaxlokk Edric Micallef bagħt ittra lill-midja fejn qal li filwaqt li huwa ta’ sodisfazzjon li r-residenti jesprimu ruħhom, ma’ jistax jifhem “għaliex dawn ir-residenti qed iħossuhom ittraduti”.

Ilbieraħ, il-membru Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola ukoll ippreżentat petizzjoni b’iktar minn 3,000 firma quddiem il-Parlament Ewropew, b’enfasi fuq il-fatt li ma sar ebda studju dwar l-impatt marittimu fuq il-ħażna tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk.