Awdjo: ‘Il-Papa Emeritu Benedittu XVI għinni nqum minn fuq il-pultruna’ – Mons. Xuereb

L-Assistent Personali tal-Papa Franġisku, Monsinjur Alfred Xuereb, irrakkonta ma Newsbook.com.mt, kif il-Papa Emeritu Benedettu XVI kien offra li jgħinu meta Monsinjur Xuereb għamel operazzjoni żgħira f’saqajh.

Dan kien wieħed mill-episodji li fakkar Monsinjur Xuereb dwar il-Papa Emeritu waqt it-tnedija uffiċjali tal-ktieb il-ġdid tal-Papa Emeritu Benedittu XVI bit-titlu "Per una ecologia dell'uomo".

Dan il-ktieb jittratta l-aspett ekologiku tal-bniedem u l-ambjent, u tnieda fir-reġjun tal-Friuli Venezia fl-Italja.

Waqt dan l-avveniment, fost dawk mistiedna biex jagħtu messaġġ dwar dan il-ktieb, kien hemm Monsinjur Alfred Xuereb li kien ukoll it-Tieni Assistent Personali meta Benedittu XVI kien għadu Papa.

F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt, Monsinjur Xuereb saħaq dwar ir-rispett li dejjem wera il-Papa Emeritu mhux biss lejn l-ambjent, iżda lejn l-interjorità ta’ kull persuna.

Huwa esprima s-sorpriża tiegħu meta ġie mistieden biex jagħmel diskors dwar il-Papa Emeritu fit-tnedija ta' dan il-ktieb.

Qal li ħataf l-okkazjoni biex wara li għex ghal aktar minn ħames snin mal-Papa Bendettu Sittax, Monsinjur Xuereb seta’ joffri xhieda tas-sensibilità tiegħu.

Meta mistoqsi minn Newsbook.com.mt, Mons. Xuereb semma episodju simpatiku li jiftakar bil-ħlewwa dwar il-Papa Benedettu, meta hu kien ghamel operazzjoni żgħira f'saqajh.

Il-ktieb ta’ Benedittu Sittax jiġbor fih diversi siltiet u ħsibijiet tiegħu mill-ewwel jiem meta sar Papa sal-aħħar tas-sena 2011.