AWDJO: Il-pakkett finanzjarju tal-UE m’hu se jbiddel xejn mill-proposta Laburista dwar l-enerġija – Karmenu Vella

Newsbook tkellem mal-kelliem Laburista Karmenu Vella għall-ewwel reazzjoni tiegħu dwar il-pakkett finanzjarju ta’ 1.1 biljun Ewro li Malta kisbet mill-Unjoni Ewropea għal perijodu 2014 – 2020. Filwaqt li qal li l-eżitu ta’ dawn in-negozjati huma pożittivi għal Malta, Karmenu Vella qal li l-aktar importanti m’hijiex is-somma li jingħata l-Gvern Malti mill-Unjoni Ewropea iżda kif dawn jintefqu.

Il-perit Vella kompla jgħid li jekk wieħed jaqta’ l-kontribut li se tkun qed tagħti Malta lill-UE, Malta se tkun qed tieħu ftit anqas minn 90 miljun Ewro fis-sena.

Newsbook staqsa wkoll lil Karmenu Vella dwar jekk is-63 miljun Ewro li huma allokati għal Malta taħt il-fond ta’ konnessjoni mal-Ewropa humiex se jbiddlu xi ħaġa mill-proposta Laburista dwar l-enerġija. Vella wieġeb li din is-somma m’hi se tbiddel xejn mill-proposta Laburista dwar l-enerġija.