Awdjo: “Il-PA qed tiftaħ lok għal abbużi” – Il-Kamra tal-Periti

Il-Viċi President tal-Kamra tal-Periti, il-Perit Simone Vella Lenicker, qalet li ż-żewġ kategoriji ġodda ta’ DNOs proposti mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) aktarx saru sabiex ikun hemm abbuż u jiġu żviluppati postijiet li skont proċeduri stabbiliti oħra kieku ma jiġux żviluppati.
Vella Lenicker qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-Kamra tal-Periti ma ġietx ikkonsultata mill-PA dwar dawn il-proposti, obbligu li skont il-liġi għandha twettaq.
Id-DNO, l-Ordni għal Notifikazzjoni ta’ Żvilupp, jinkorporaw applikazzjonijiet għal żviluppi li ma jħallux effett kbir fuq residenzi tal-qrib, ngħidu aħna alterazzjonijiet interni u xogħlijiet fuq soqfa.
Għal dawn it-tip ta’ applikazzjonijiet ma jiġix ikkonsultat il-pubbliku, iżda xorta waħda jkun hemm il-proċess tad-DNO li jrid jiġi segwit.
Madankollu, kompliet Vella Lenicker, il-Ministru responsabbli mill-ħabs u l-Pulizija jista’ jiddeċiedi li l-iżvilupp jitqies ta’ importanza u urġenza nazzjonali. F’dal-każ lanqas il-proċess tad-DNO ma jiġi segwit.
Il-Viċi President esprimiet it-tħassib tagħha li se jerġgħu jiġu ripetuti żviluppi li jistonaw mal-arkitettura tal-madwar, bl-iskuża tal-urġenza nazzjonali, u mingħajr lanqas jiġi kkonsultat ħadd.
Irrimarkat li ħaġa simili kienet ġrat f’Xatt it-Tiben f’Marsamxett. Dakinhar kienet iddaħħlet kategorija ġdida li tirrigwardja lill-Forzi Armati ta’ Malta, u kienet inbniet bażi marittima li tistona mal-istrutturi storiċi tas-swar li jdawru l-Belt. Dan kien sar mingħajr ebda konsultazzjoni.
Fi stqarrija maħruġa aktar kmieni mill-Kamra, din staqsiet kif jista’ jkun li żviluppi simili li jridu jiġu approvati mill-Parlament biex jgħaddu l-fondi għalihom, kif ukoll jeħtiġilhom jgħaddu minn regulazzjonijiet għall-kisba tal-permessi, jitqiesu daqshekk urġenti tali mod li ma jiġix allokat żmien sabiex l-ippjanar jiġi skrutinizzat kif sippost.
Vella Lenicker temmet tgħid li minħabba li l-PA ma kkonsultatx magħhom, il-Kamra qed tistenna biex tara kif se jiżvolġu l-affarijiet.