Awdjo: “Il-murtali tal-festi jweġġgħuni ħafna”

Maria Spiteri li tbati mill-kundizzjoni tal-fibromalġja tispjega kif l-istorbju, b'mod partikolari dak marbut mal-festi, jaffettwa lilha u lil sħabha, li għandhom l-istess kundizzjoni.
Fil-programm Newsline, li jixxandar kull nhar ta' Sibt fuq RTK, Maria tistqarr kif minħabba din il-kundizzjoni, tagħmel 24 siegħa muġugħa, taffettwalha l-irqad. Tisħaq li l-bombi l-kbar tal-festi jweġġgħawha ħafna u ssemmi kif l-istorbju ta' murtali qawwija jinstemgħu minn diversi rħula.
Maria Spiteri titkellem dwar l-esperjenza tagħha, anke familjari, hekk kif kemm żewġha kif ukoll binha, huma dilettanti kbar tal-festi.
Tispjega li hi mhix kontra l-festi iżda tisħaq li għalkemm il-festi huma tradizzjoni ħajja, wieħed irid jaħseb f’ħaddieħor speċjalment fil-morda.
Maria tipproponi li għandu jiġu kkunsidrat li titnaqqas is-saħħa tal-murtali jew inkella jkunu silenzjużi.
L-intervista sħiħa se tixxandar għada bejn l-10am u l-11am waqt il-programm Newsline fuq RTK.
Ritratti: Ian Noel Pace