Awdjo: Il-motivazzjoni għall-maratona jagħtuhielek ir-residenti – Silvan Gauci

Ftit jiem biss ‘il bogħod mill-ftuħ tal-maratona tal-volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza, l-atleti għaddejjin b’taħriġ intensiv bl-għan li jkunu pprepati sew għal 53 siegħa ta’ logħob.
Ma' Newsbook.com.mt id-direttur tekniku, Silvan Gauci spjega kif permezz ta' sagrifiċċju u dedikazzjoni, mal-100 applikant jikkompetu bejniethom biex finalment jiġu magħżula l-40 plejer li jieħdu sehem fil-maratona.
Semma wkoll li biex wieħed jipparteċipa, m’hemmx bżonn li jkun plejer ta’ esperjenza, għaliex it-taħriġ li jieħu sitt ġimgħat, ikun magħmul apposta anke għal min għadu jibda jipprattika l-volleyball.
Silvan ilu jieħu sehem fil-maratona għal dawn l-aħħar 20 sena minn meta kienet tiġi organizzata mill-Kerygma.
Mistoqsi xi jwasslu biex jibqa' daqshekk dedikat u attiv b'mod volontarju, Silvan jgħid li l-imħabba lejn ir-residenti tad-Dar tal-Providenza timmotivah biex jibqa' jiddedika ħinu volontarjament għal din id-Dar.
Il-maratona tal-volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza se ssir bejn il-Ġimgħa 3 u l-Ħadd 5 ta’ Lulju. Se tinfetaħ mill-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca u qed issib l-appoġġ finanzjarju tal-Bank of Valletta.