Awdjo: Il-Ministru lest jinvestiga x-xiri ta’ beacon lights tal-karozzi tal-Pulizija

Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela qal li lest li jinvestiga, jekk ikollu indikazzjoni li ma jkunx sar kif suppost il-proċess ta’ xiri ta’ beacon lights għal fuq il-karozzi tal-pulizija, li ilhom erba’ xhur weqfin ipparkjati fil-bitħa tal-Akkademja tal-Pulizija.
Fl-intervent tiegħu, bi tweġiba għad-diskors tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, fejn saret referenza għal artiklu ta’ Newsbook.com.mt, Dr Abela qal li jixtieq li l-karozzi jkunu għall-użu tal-pulizija llum qabel għada, “pero hemm regolamenti li wieħed irid jimxi magħhom.”
Spjega li għadu għaddej il-procurement u li f’dan l-istadju ma jistax jindaħal.
Fid-diskors tiegħu Beppe Fenech Adami semma kif fi tweġiba Parlamentari fi Frar li għadda, dwar jekk inħarġux tenders biex isir ir-wrapping tal-karozzi bi stikers u beacon lights tal-karozzi taċ-CHOGM li nxtraw mill-Korp, il-Ministru Abela qal li l-vetturi li nxtraw mill-Pulizija se joħorġu fi żmien qasir.
Il-Ministru kien qal ukoll li ħarġu numru ta’ tenders u quotations għal xogħlijiet meħtieġa biex il-karozzi jkunu armati kif suppost bħala karozzi tal-pulizija.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Newsbook.com.mt ikkwota sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li qalu li l-proċess ta’ xiri ta’ beacon lights staġna wara li tela’ fil-wiċċ allegat tixħim, bid-diskrepenza fil-prezz attwali u kemm kienu se jiġu jiswew.