Awdjo: Il-Ministru jgħid x’se jiġri mill-boroż il-griżi f’Għawdex

Jidher li Għawdex m’għandix tispiċċa mingħajr servizzi tar-ricikilaġġ, anka hekk kif il-fornitur Green MT qed jistaqsi għal ħlas biex jiġbor il-boroż il-griżi, ibattal il-bring-in sites u jiġbor il-fliexken tal-ħġieġ. Dan għaliex il-Ministru għall-Ambjent spjega li dan qatt ma jista’ jiġri.

Din it-talba għal ħlas ġiet ikkonfermata mis-Sindku tal-Ġħarb f’Għawdex, li qal lill-Newsbook.com.mt li l-kunsill lokali m’għandux il-baġit maħsub għal xiħaġa hekk. Huwa żied jgħid li fix-xhur li għaddew, id-dipartiment u entitajiet oħra tal-Gvern għamlu eżerċizzju dwar is-sitwazzjoni, u li l-kunsill bagħat l-ittra lid-dipartiment sabiex jistennew il-pjan li se jimxu fuqu.

Newsbook.com.mt tkellem mal-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera, u staqsa dwar x’jiġri jekk il-kunsilli lokali jirrifjutaw li jħallsu r-rati tal-fornitur. Huwa spjega li l-ġbir tar-riċiklaġġ huwa proċess irregolat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA. Minħabba dan, Għawdex qatt ma tista’ tispiċċa mingħajr is-servizz tal-ġbir tal-iskart, għax il-liġi qed tirregola.

Newsbook.com.mt staqsa wkoll dwar il-pjan b jekk il-ġbir tal-iskart jieqaf. Herrera sostna li finalment, fil-liġi hemm miktub li l-Wasteserv huwa l-operatur f’każ t’emerġenza, u għalhekk dejjem se jkun hemm servizz.

Ir-reazzjoni tal-kumpanija GreenPak

Kompetitur ta’ Green MT, GreenPak, stqarrew li s-servizz tagħhom se jibqa’ b’xejn. Huwa saħaq li l-Gvern ma jgħinx biex jipprovdu dan is-servizz.

Il-Kap Eżekuttiv Mario Schembri kompla jgħid li skont il-liġi, l-iskema hija finanzjata mill-iskema awtorizzata għall-irkuprar ta’ skart mill-imballaġġ. B’hekk, kull kunsill lokali għandu jkollu s-servizz b’xejn.

L-iskema hija finanzjata mill-kommunità tal-kummerċ li jagħżlu GreenPak jew GreenMT biex jirkupra 65% mill-iskart tal-ippakkjar.