Awdjo: “Il-media mhix megħjuna biżżejjed mill-Gvern”

Chris Mifsud MPS

Read in English.

Chris Mifsud id-direttur tal-MPS, waħda mill-kumpaniji ewlenin fil-qasam tal-komunikazzjoni f’Malta, qal fuq 103 Malta’s Heart li l-industriji tal-qasam tal-komunikazzjoni u media mhux se jkunu qed jiġu mgħejjuna biżżejjed mill-miżuri li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela t-Tlieta filgħaxija. F’isem 60 kumpanija fil-qasam tal-media Mifsud qal li dawn għandhom jitqiesu fil-kategorija tal-industriji l-aktar milquta ħażin mill-coronavirus u jingħataw l-ogħla livell ta’ għajnuna.

“Essenzjali għad-demokrazija”

Lejn tmiem il-ġimgħa li għaddiet 60 kumpanija fil-qasam tal-media u tal-komunikazzjoni kienu kitbu lill-Prim Ministru biex juruh il-qagħda mwiegħra ħafna fl-industrija tagħhom. Dawn l-intrapriżi jinkludu gazzetti, stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni, websajts tal-aħbarijiet, kumpaniji fil-qasam tal-pubbliċità u fil-qasam tal-IT.

Dawn il-kumpaniji qalu li d-dħul tagħhom ħa tisbita ‘l isfel peress li nixfu l-għejjun minn fejn kienu jdaħħlu l-flus, pereżemju reklamar, biex iwettqu l-ħidma tagħhom u jħallsu lill-impjegati.

Mifsud fakkar li l-kumpaniji tal-media fil-qasam tal-aħbarijiet għandhom rwol importanti ħafna fit-tħaddim tad-demokrazija fil-pajjiż. Jekk minħabba nuqqas ta’ dħul se jbatu l-media tal-aħbarijiet se tbati d-demokrazija u għalhekk, żied jgħid Mifsud, huwa essenzjali li dawk jibqgħu finanzjarjament vijabbli. Huwa qal li barra l-media tal-aħbarijiet hemm diversi kumpaniji oħra li jħaddmu ħafna nies u li jagħtu kontribut kbir għall-ekonomija tal-pajjiż.

“Urġenti li tingħata l-għajnuna”

Huwa qal li hu tajjeb li tgħin lil-lukandi u lill-oħrajn iżda l-gvern irid jiftakar illi l-industriji tal-qasam tal-media u tal-komunikazzjoni jimpjegaw ħafna nies. Il-Gvern, żied Mifsud, irid jara li tingħata għajnuna qawwija kull fejn hemm bżonn u li din l-għajnuna tingħata b’mod ekwu.

It-telfien tal-impjiegi jimplika effett soċjali u psikoloġiku għax dawk kollha li jitilfu x-xogħol ibatu ħafna huma u l-familji tagħhom.

Aħjar tagħti l-għajnuna mill-ewwel milli toqgħod tistenna li tikber il-kriżi, temm jgħid Mifsud.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn