Awdjo: Il-marid għandu bżonn min jifhmu – omm

Bħalissa tinsab għadejja l-kampanja Survivors Malta, li l-għan tagħha hu li titqajjem kuxjenza dwar nies li għaddew minn esperjenza tal-mard.
Sal-Ħadd 31 t’Awwissu r-reception f’Mater Dei se jkollha dehra differenti hekk kif dawk li ħarġu rebbieħa fuq mard jew kundizzjoni se jkun qed iqassmu fuljetti waqt li jirrakkontaw l-istejjer tagħhom.
Ma’ Newsbook.com.mt, Sarah Cachia, omm Jacob li kellu infezzjoni rari fil-moħħ, li qalet li din il-kampanja tagħmel kuraġġ lil min ikun għaddej minn mard kif ukoll dawk li għaddew minn esperjenzi simili fil-passat.
Sarah qalet li l-kuraġġ li wieħed jista’ jagħti matul iż-żmien li persuna tqatta’ l-isptar huwa imprezzabbli.
Irrakkontat li aktar kmieni din il-ġimgħa ltaqgħet ma’ mara li fetħet qalbha magħha, u li kienet għaddejja mill-istess esperjenza li kienet għaddiet minnha Sarah sena u nofs ilu. Qalet li jgħin li “jkollok xi ħadd ħdejk li jifhem minn xiex tkun għaddej”.
Kompliet tgħid li importanti tul dan iż-żmien li wieħed ikollu tama matul il-proċess ta’ kura u li jaħseb b'mod pożittiv.
Sarah qalet li meta persuna tkun qed tgħaddi minn trawma, dan ma jfissirx li għandha tbati waħedha.
Fi kliem Sarah l-iskop tal-grupp Survivors Malta hu li ma jgħinx biss lill-pazjenti u lill-familjari tagħhom, iżda tgħin ukoll lill-ħaddiema tal-isptar biex jifhmu l-pazjent u l-bżonnijiet tiegħu.