Awdjo: Il-mara tad-dar m’għandhiex ċans tirbaħ il-Premju Ħaddiem tas-Sena

“Ma nieqaf qatt imma għal xogħli mhemmx ħlas.  X’nilbes hawn ġew lanqas biss nagħti kas.  Mal-mejda l-aħħar li npoġġi nkun jien … imma nitgħaxxaq narana flimkien.”
Dan huma xi versi mill-kanzunetta Ma naħdimx, il-kanzunetta li rebħet l-Għanja tal-Poplu ta’ din is-sena, kantanta minn Karen Debattista u mużika ta' Mark Scicluna.

Il-kliem ta’ Ma naħdimx huma tal-kantanta Rita Pace, li minħabba Liza Marie, it-tifla tagħha ta’ sitt xhur, iddeċidiet tieqaf għal ftit mix-xogħol u tgawdiha tikber.  Fi  kważi erba’ minuti, Ma naħdimx tgħid grazzi lil dawk l-ommijiet li jaħdmu full-time d-dar.

Din il-kanzunetta reġgħet qajmet l-argument dwar ir-rikonoxximent li għandu jingħata lill-ommijiet kollha li minflok jibnu karriera, jiddeċiedu jibqgħu d-dar jieħdu ħsieb il-familja.

Rita Pace qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-muża li tikteb Ma naħdimx ġietha wara li xi ħadd staqsieha x’qed tagħmel bħalissa u wieġbet li mhux qed taħdem.  Imbagħad ftakret fil-faċendi kollha li tagħmel id-dar.
F’dawn is-sitt xhur kemm ilha wieqfa mill-professjoni ta’ għalliema tal-Ingliż, Rita ndunat kemm xi drabi ma napprezzawx ix-xogħol tal-mara tad-dar, l-iktar meta tidħol ġo dar u ssib kollox lest.

“Il-mara taħdem ħafna mid-dar iżda qatt m’għandha ċans tirbaħ il-Premju Ħaddiem tas-Sena” enfasizzat Rita.  “Ċertu drabi trid ukoll it-tħabbil tal-moħħ biex tagħmel ċertu xogħol tad-dar…m’għandek qatt leave…l-unika ħaġa li żżommok għaddejja hi l-imħabba bla kundizzjoni lejn il-familja” temmet tgħid Rita.

La Liza Marie tikber ftit ieħor, Rita bi ħsiebha terġa’ tkompli bil-karriera. Targumenta li minħabba l-esiġenzi tal-ħajja, hu diffiċli ħafna għal mara biex tibqa’ tieħu ħsieb id-dar u l-familja biss.  Sostniet li kull mara għandu jkollha l-għażla jekk toħroġx taħdem jew le u mhux timponilha s-soċjetà.

Tħossha ffortunata li tista’ tara lil bintha tikber, tilgħab, tagħmel l-ewwel passi u tismagħha tgħid għall-ewwel darba il-kelma “Ma”.  Rita temmet tgħid li fl-aħħar mill-aħħar, ir-rwol tal-omm jġib miegħu responsabilità kbira għax hi tgħaqqad il-familja, sew jekk taħdem id-dar u sew jekk taħdem barra u jkollha tiġi lura tkompli l-faċendi.