Awdjo: ‘Il-manifest elettorali kkopjat kelma b’kelma minn tagħna’ – Dr Simon Busuttil

Il-viċi kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Simon Busuttil qal li wara li l-Partit Laburista ħareġ il-manifest elettorali, kien diżappuntat li jara li l-programm elettorali tal-Partit Laburista kien kollu ikkopjat minn dak Nazzjonalista.

Huwa qal li l-għażla fid-9 ta’ Marzu se tkun bejn il-Partit Nazzjonalista u dak il-partit li qed jipprova jagħmila tal-Partit Nazzjonalista.

Dr Busuttil qal dan waqt attività politika fin-Naxxar.

Il-viċi kap Nazzjonalista sostna li l-Partit Nazzjonalista għamel ħafna progress fil-qasam tas-saħħa. Qal li dan kien possibli grazzi għall-finanzi fis-sod tal-pajjiż.

Huwa qal li għall-Partit Nazzjonalista ċertu oqsma huma aktar importanti minn oħrajn, u kien għalhekk li s-settur tas-saħħa ħa preċedenza fuq is-sussidju lit-Tarzna fost oħrajn. Skond Dr Busuttil, dan juri id-differenza bejn iż-żewġ partiti.

Il-viċi kap Nazzjonalista qal kif fil-midja Laburista kontinwament issemmi l-operazzjonijiet li ma sarux, flok il-45 elf operazzjoni li saru matul is-sena li għaddiet.

Dr Busuttil sostna li avolja d-dinja kienet taħt riċessjoni ekonomika, is-servizz tas-saħħa baqa’ b’xejn, għall-kuntrarju ta’ dak li qal il-Partit Laburista fl-aħħar kampanja elettorali.