Awdjo: Il-Maltin jixorbu 12-il miljun litru nbid fis-sena

Skont l-aħħar rapport dwar is-sitwazzjoni tal-inbid f’Malta, kull sena jiġi prodott maż-żewġ miljun flixkun inbid fis-sena.

Madwar 90% tal-inbid lokali huwa ċċertitikat bħala DOK jew I.G.T.

Bħala konsum, il-Maltin jixorbu mat-12-il miljun litru nbid fis-sena.

Bejn l-aħħar ta’ Awwissu u l-bidu ta’ Settembru, il-kumpanija tal-inbid Marsovin se tkompli bil-vendemmja, jiġifieri tiġbor l-għenieqed tal-għeneb għat-tagħsir tal-inbid.

Fi kliem Jeremy Cassar, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, l-għenba ta’ din is-sena hi itjeb minn tas-snin ta’ qabel u dan minħabba t-temperaturi baxxi li kien hawn tul ix-xitwa u anke minħabba li ma kellhomx problema bl-għargħar fl-għelieqi.

Waqt żjara li għamel fl-għelieqi tal-kumpanija f''Marsaxlokk, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja Roderick Galdes ħeġġeġ lill-produtturi tal-inbid biex ikomplu jinvestu f’dan is-settur li qed jiġġenera l-impjiegi.

Marsovin ilha għal dawn l-aħħar ħames snin tuża biss għenba Maltin.  Tul dawn is-snin jidher li l-Maltin saru aktar jixtru inbejjed lokali.  Tant, li mit-12-il miljun flixkun li jinxtorbu fis-sena, 40% minnhom huma nbejjed Maltin.

Il-produtturi tal-inbid qed iħeġġu biex aktar nies jafdaw fil-prodott lokali.

Din is-sena Marsovin se tagħsar mal-miljun u nofs kilogramma għeneb li minnhom joħorġu ftit aktar minn miljun u nofs fliexkun.