Awdjo: “Il-Maltin iridu jagħżlu l-MEP’s li l-aħjar jirrappreżentawhom” – Dr Peter Agius

Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew Dr Peter Agius sostna li fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-24 ta’ Mejju li ġej, se jkun l-elettorat Malti li jagħżel x’tip ta’ Membru Parlamentari Ewropew jixtieq li jiġi elett.
Agius qal dan waqt il-programm Dinja Ewropa fuq RTK meta kien qed iwieġeb mistoqsija ta’ semmiegħ dwar jekk MEP Malti għandu jitkellem fuq suġġetti lokali fil-Parlament Ewropew.
Dr Agius qal li MEP għandu jassigura li d-drittijiet tal-Maltin jiġu salvagwardjati.
Mistoqsi dwar l-ewwel jiem tal-kampanja elettorali tal-partiti politiċi u kif dawn qed jitkellmu iżjed fuq suġġetti lokali milli Ewropew, Peter Agius qal li fl-ewwel jiem il-partiti qed jitkellmu fuq id-differenzi ta’ bejniethom iżda l-elettorat irid jagħżel MEP li jirrapreżentah fil-Parlament Ewropew u għalhekk awgura l-kampanja testendi fuq temi Ewropej.
Dr Peter Agius qal li d-deċiżjonijiet li se jkunu qed jieħdu l-Membri tal-Parlament Ewropew f’Malta se jkunu qed iħallu effett fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin u l-Għawdxin.  
Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew qal li matul iż-żmien is-6 membri Maltin fil-Parlament Ewropew kienu attivi u ħallew impatt pożittiv.