Awdjo: Il-Malti li “jisraq” l-ikel mormi mis-supermarkets

Qiegħda fuq fomm kulħadd il-kwistjoni tal-ħela tal-ikel fis-supermarkets. Il-Gvern ukoll qed jesplora soluzzjonijiet biex tinqered din il-ħela darba għal dejjem mis-supermarkets f’Malta.
Meta mar fejn it-tfajla tiegħu l-Ġermanja, Karl* esperjenza dik li tista’ tkun alternattiva illegali għal ħela fis-supermarkets.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Karl spjegalna l-kunċett magħruf aktar bħala containering.
Malli jagħlqu s-supermarkets filgħaxija, jinġabar l-ikel li jkun se jiskadi jew skada bi ftit u jitfgħuh ġo kontejners kbar biex eventwalment jintrema. Malli jdoqqu l-11pm, fi dlam ċappa, Karl u t-tfajla tiegħu jixxabtu mal-fens u jiftħu l-kontejners. Karl spjega li l-ikel li jsibu quddiemhom ikun tajjeb daqs li kieku għadu fuq l-ixkaffa.
Huwa spjega li l-unika problema b’din l-attività hi li kollox huwa llegali. Huwa llegali li tidħol fi propjetà privata u wisq iktar li tisraq l-ikel, avolja jkun se jintrema. Karl jafu b’żgħażagħ bħalhom li weħlu pieni ta’ ħabs.
Din il-prattika hija komuni ħafna speċjalment ma’ dawk l-istudenti tal-università li jsibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja u jagħmlu containering ta’ kuljum.
Din l-attività mhix sigriet mas-sidien tal-ħwienet Ġermaniżi, tant li biż-żmien, xi ħwienet żgħar bdew jgħinu fil-proċess tal-containering billi jwaħħlu avviż fuq barra tal-ħanut tagħhom li jistgħu jieħdu l-ikelli ma jkunx se jinbigħ.
Saħansitra hemm siti onlajn bħal foodsharing.com li tindikalek liema ħwienet jippermettu containering jew le.
Il-kunċett għaddej ġmielu fil-Ġermanja u huwa popolari ħafna ukoll fl-Istati Uniti.
*Karl huwa isem fittizju.