Awdjo: Il-kwistjoni tas-sajjieda Sqallin m’għandhiex ixxekkel il-ġemellaġġ mas-Siġġiewi – Galdes

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Sajd Roderick Galdes qal li l-allegazzjonijiet li għamlu s-sajjieda Sqallin, fejn sostnew li ġew trattati ħażin mill-Awtoritajiet Maltin, ma jarax li għandhom ixekklu l-ġemellaġġ bejn il-lokalità tas-Siġġiewi u l-belt ta’ Vittoria fi Sqallija.

Dan minkejja li bosta Kunsilli Lokali Sqallin, fosthom is-Sindku ta’ Vittoria jinsabu rrabbjati għall-mod ta’ kif allegatament ġew trattati s-sajjieda Taljani. Is-Sindku ta’ Vittora, Giuseppe Nicosia qed jitlob biex is-sajjieda jingħataw kumpens għall-aġir tal-Maltin.  Jekk ma jintlaħaqx ftehim fuq din il-kwistjoni, qed jhedded li ma jkomplix bil-ġemellaġġ mas-Siġġiewi.

Bi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, dwar jekk kienx hemm żviluppi dwar din il-kwistjoni taż-żewġ bastimenti Sqallin ‘La Madonnina’ u ‘Principessa Prima’, Roderick Galdes qal li l-Gvern jinsab għaddej b’kuntatti diplomatiċi mal-Gvern Taljan.

Minkejja li ġurnali Sqallin sostnew li l-Italja trid tidħol f’diskussjoni mal-Gvern Malti dwar bdil fir-regolamenti dwar tal-baħar territorjali, Roderick Galdes saħaq li r-regolamenti huma ċari għal kulħadd u s-sajjieda barranin ma jistgħux jistadu fil-25 mil lil hinn mill-kosta Maltija. Sostna li d-drittijiet u s-sostenibiltà tal-Maltin iridu jiġu mħarsa. 

Fit-2  ta' Awwissu li għadda, quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, is-sajjieda ammettew li kienu qed jistadu f’ibħra territorjali Maltin.  Min-naħa tagħha, il-Forzi Armati ta’ Malta ċaħdet l-allegazzjonijiet li għamlu s-sajjieda malli waslu fi Sqallija, jiġifieri li ġew trattati ħażin mis-suldati Maltin sakemm ittieħdu l-Belt quddiem il-Qorti. L-AFM kienet qalet ma’ dan is-sit li mxiet skont in-normi u l-liġijiet internazzjonali ta' fuq il-baħar.

Il-Qorti Maltija mmultat lis-sajjieda Sqallin €20,000 kull wieħed.