Awdjo: Il-kwadru mirakoluż tal-Madonna ta’ Pompei f’Malta

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq il-ħamsin sena minn kemm ilu jsir il-Pellegrinaġġ Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pompei f’Marsaxlokk kull 8 ta’ Mejju, f’Settembru li ġej se jinġieb f’Malta l-kwadru mirakoluż tal-Madonna ta’ Pompei.

Dwar din id-devozzjoni, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Fra Aaron Zahra, Dumnikan, li minbarra li huwa mill-Parroċċa ta’ Marsaxlokk għamel riċerka fuq din id-devozzjoni. Huwa qal li minkejja li għal bidu l-kwadru tal-Madonna ta’ Pompei kellu ħafna difetti artistiċi, mill-ewwel ġibed id-devozzjoni ta’ ħafna persuni. Spjega wkoll kif il-kwadru wasal f’Pompei minn Napli fuq karrettun tad-demel fit-13 ta’ Novembru tal-1875.

Illum is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompei huwa wieħed mis-Santwarji Internazzjonali u kull sena jżuruh eluf ta’ pellegrini.

Fra Aaron Zahra spjega wkoll li bejn it-22 u 29 ta’ Settembru, f’Malta se ssir dik li f’Pompei issejħulha “Missjoni Marjana” u għal din l-okkażjoni se jkun hawn f’Malta l-kwadru pellegrin tal-Madonna li jdur numru ta’ pajjiżi. Fra Zahra qalilna li kull fejn mar dan il-kwadru qala’ grazzji kbar.

Intant dwar il-programm taċ-ċelebrazzjonijiet tkellimna ma’ Dun Mario Mangion, Kappillan tal-Parroċċa ta’ Marsaxlokk. Huwa qal li l-għan ewlieni ta’ din iż-żjara se tkun biex iktar persuni jitolbu t-talba tar-Rużarju. Spjega li l-pellegrinaġġ se jibda f’Għawdex b’quddiesa mmexija mill-Eċċellenza tiegħu Monsinjur Mario Grech fis-Santwarju ta’ Pinu u se jintemm b’quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Monsinjur Chalres J. Scicluna fil-parroċċa ta’ Marsaxlokk.

Dun Mario qal ukoll li l-kwadru se jittieħed il-Belt Valletta fejn se jsir pellegrinaġġ tul Triq ir-Repubblika sal-Knisja tal-Ġiżwiti li għandha rabta kbira ma’ din id-devozzjoni. Pellegrinaġġ ieħor se jsir f’Marsaxlokk u jispiċċa bir-Rużarju f’Xatt is-Sajjieda.

Fost attivitajiet oħra, din ix-xbieha mirakoluża se tittieħed id-Dar tal-Kleru u fir-Residenza tal-Anzjani ta’ San Vinċenz De Paul.

Quddiem din ix-xbieha kien talab il-Beatu Ġwanni Pawlu t-Tieni u l-Papa Emeritu Benedittu Sittax kien poġġa quddiemu warda tad-deheb li tingħata mill-Papa lil Santwarji li jgawdu devozzjoni kbira. Infatti waqt iż-żjara tal-Papa Benedittu f’Malta lura fl-2010 kien poġġa din il-warda tad-deheb quddiem il-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu.