Bidla fil-prioritajiet meta sar it-tnaqqis fil-baġit ewropew

Il-mexxejja tal-iStati Membri laħqu ftehim fuq il-baġit Ewropew, iżda l-Kummissjoni Ewropea tidher li mhijiex kuntenta wara li l-proposta tagħha ġiet imnaqqsa mill-pajjiżi Ewropej.

Il-kap tar-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Martin Bugelli, qal li fit-tnaqqis li sar, inbiddlu wkoll xi prioritajiet, fosthom tnaqqis ta’ €40 biljun ewro f’inċentivi għal tkabbir ekonomiku.

Bugelli qal li madankollu, il-Kummissjoni Ewropea rnexxiela żżomm diversi miżuri innovattivi fosthom biex tinċentiva aktar impjiegi għaż-żgħażagħ, u programmi edukattivi bħal ‘Erasmus’.

Hu sostna li xi ħaġa pożittiva kienet il-qbil li tingħata aktar importanza il-politika ta’ koeżjoni, iġifieri li l-pajjiżi Ewropej jiġu fl-istess livell ta’ xulxin.

Il-baġit Ewropew għad irid jiġi approvat mill-Parlament Ewropew.