Awdjo: “L-età għal YouTube u Facebook għandha titla’ għal 16-il sena” – Kummissarju Tfal

Il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli qalet li l-Uffiċċju tagħha ġieli jirrapporta filmati fuq YouTube li jistgħu jkunu abbużivi għat-tfal.
Ma’ Newsbook.com.mt, Pauline Miceli spjegat li ġeneralment il-filmati ma jitneħħewx u mhux dejjem tirċievi risposti mill-voluntiera tal-YouTube, li jieħdu ħsieb jimmarkaw il-filmati abbużivi. Tenniet li f’Malta l-ħidma mhix sistematika għax l-internet huwa vast u jeħtieġ li jkun hemm persuni fuq hekk biss.
Fl-aħħar jiem, rapport maħruġ minn voluntiera tal-YouTube li jagħmlu dan ix-xogħol, jindika li l-mekkaniżmu tal-Youtube li jipproteġi t-tfal minn filmati abbużivi qed jitnaqqar. Spjegaw li dan minħabba li għandhom ħafna xogħol b’lura. Konsegwenza ta’ dan il-filmati li jistgħu jkunu ta’ dannu għat-tfal qed jibqgħu hemm.
Fl-isfond ta’ dan ir-rapport, il-Kummissarju għat-Tfal spjegat ma’ Newsbook.com.mt li għalkemm iżommu għajnejhom miftuħin beraħ fuq il-kontenut tal-internet, il-moniteraġġ min-naħa tagħhom huwa limitat minħabba nuqqas ta’ riżorsi. Għaldaqstant saħqet li l-edukazzjoni tilgħab irwol importanti ħafna.
16-il sena minflok 13?
Pauline Miceli spjegat li l-età ta’ kunsens għall-YouTube u Facebook hija ta’ 13-il sena. Stqarret li min-naħa tiegħu Facebook jieħu aktar azzjoni fuq profili foloz u materjal abbużiv. Madankollu mhux l-istess jista’ jingħad għall-YouTube.
Hija stqarret li minħabba l-materjal li fih l-internet, l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel aktar pressjoni fuq l-industrija u tikkonsidra li tgħolli l-età minn 13-il sena għal 16. Spjegat li bħalissa l-Unjoni Ewropea tħalli din id-deċiżjoni f’idejn il-pajjiżi rispettivi, imma saħqet li għandha tkun l-Unjoni Ewropea li tiddeċiedi dan u mhux titfa’ l-pressjoni fuq il-ġenituri u t-tfal.
Pauline Micelli fakkret li għalkemm l-internet fih għadd ta’ affarijiet sbieħ, il-ġenituri ma għandhom qatt iħallu lit-tfal waħedhom u m’għandhomx iħalluhom jiskru fuqu. Tenniet li l-ġenituri għandhom jaqilgħu lit-tfal minn fuq l-internet u jgħallmuhom li fil-ħajja jrid ikun hemm bilanċ f’kollox.
Temmet tgħid li min jintebaħ b’xi ħaġa fuq l-internet li tista’ tkun abbużiva għat-tfal jista’ jċempel fuq 179 jew jirrapporta fuq childwebalert.gov.mt
Ritratti: Ian Noel Pace