Awdjo: Il-KSU trid tara l-emendi dwar id-data personali qabel jiġi ppublikat

Il-Kunsill Studenti Universitarji jixtieq li jara l-emendi li se jsiru fl-Avviż Legali 76 dwar il-protezzjoni tad-data tal-istudenti.
Il-President tal-KSU, Gayle Lynn Callus saħaq li ma jistax jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-emendi li se jsiru f’dan l-avviż legali għax id-dettalji dwar l-emendi li se jsiru għadhom ma ħarġux.
Aktar kmieni llum, il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-Gvern mistenni jippubblika avviż legali ġdid li jissosstittwixxi dak li kien ġie mniedi f’Marzu li għadda.
Gayle Lynn Callus esprima d-diżappunt tiegħu għal fatt li l-Kunsill ma tħalliex jieħu sehem fil-working group li se jemenda dan l-avviż legali. Skont kif spjega, meta l-KSU talbet li tifforma parti minn dan il-grupp, qalulhom li “m’hemmx bżonn jidħlu huma wkoll għax il-partijiet ikkonċernati huma rrapreżentati kollha”.
Callus saħaq li l-Kunsill huwa kkonċernat fuq żewġ fatturi essenzjali li ssemmew fl-avviż legali.
L-ewwel, il-President tal-KSU qed jistaqsi dwar min se jkun qed jieħu ħsieb l-informazzjoni li tingħata. Staqsa ukoll dwar jekk verament hemmx bżonn li tingħata l-informazzjoni kollha. “Hemm bżonn ikunu jafu l-isem u l-id tal-persuna? Jew din hija statistika normali?”, staqsa Callus.
Nhar il-Ħamis li għadda l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri li għandhom uliedhom jattendu fl-iskejjel tal-Knisja, l-APCCS, ippreżentat petizzjoni t’aktar minn elfejn firma ta’ ġenituri li għandhom uliedhom jattendu f’dawn l-iskejjel.
L-Assoċjazzjoni saħqet li dan l-avviż jipprevali fuq is-setgħa tal-ġenituri.
Reazzjoni PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li fl-aħħar, Evarist Bartolo ammetta li l-PN kellu raġun meta qal li l-Avviż Legali dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar l-istudenti kien ħażin.
Spjega, li l-Oppożizzjoni kienet ressqet mozzjoni fil-Parlament biex dan l-Avviż Legali jiġi dikjarat null, iżda din ma kinitx għaddiet mill-Parlament. 
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li erba' xhur wara ħarġet il-verità u rriżulta li l-PN kellu raġun.