Awdjo: Il-kritika tista’ tkun kreattiva?

Ħafna nies meta jisimgħu l-kelma kritika jaħsbu f’xi ħaġa negattiva. Kemm hu minnu li l-kritika hija negattiva?
Kit Azzopardi, is-Segretarju tal-Għaqda tal-Malti – Università qal ma’ Newsbook.com.mt, li l-Għaqda se torganizza diskussjoni madwar mejda miftuħa waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus.
Azzopardi spjega li l-akkademiċi minn oqsma differenti se jiddiskutu jekk tistax tkun artist u kritiku, x’differenza hemm bejn il-kitba akkademika u letterarja, jekk il-kitba akkademika tistax tkun kreattiva wkoll, u xi jfisser li l-kritika tkun kreattiva.
F'din it-taħdita se jitkellmu Immanuel Mifsud, Rena Balzan, Bernard Micallef, Josette Attard, u Michael Zammit.
Id-diskussjoni se titmexxa minn Kit Azzopardi u Clifford Jo Żahra, eks studenti tad-Dipartiment tal-Malti u hija parti minn Sinteżi, inizjattiva tal-Għaqda sabiex tkattar l-għarfien dwar ir-riċerka bil-Malti.
Permezz ta' din l-inizjattiva, jittellgħu xi teżijiet fuq l-internet u jiġu organizzati xi attivitajiet.
Bħalissa, il-Bord ta' Sinteżi qed jaħdem fuq pubblikazzjoni bil-Malti dwar ir-riċerka u l-metodoloġija.
L-attività Il-Kitba u l-Kritika qed tittella' f'kollaborazzjoni mad-Dipartimenti tal-Malti tal-Università u tal-Kulleġġ Minuri Ġ.F. Abela. 
Kulħadd huwa mistieden. Id-dħul huwa b'xejn. 
Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus qed jittella' bl-għajnuna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.