Awdjo: Il-Koalizzjoni għadha ma ġietx ikkonsultata dwar il-mistoqsija tar-referendum

Il-Koalizzjoni kontra l-Kaċċa fir-rebbiegħa għadha ma ġietx ikkonsultata dwar il-mistoqsija li se jkun hemm fuq id-dokument tal-vot għar-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa tal-11 ta’ April li ġej.
Is-Segretarju tal-Koalizzjoni, Carmel Cacopardo jqis li l-Gvern huwa marbut li l-mistoqsija tkun tirrifletti l-ispirtu tal-petizzjoni kif ġiet approvata u jittama li l-mistoqsija, li se titressaq għad-deċiżjoni tal-poplu tkun waħda ġusta u ċara għaż-żewġ naħat.
Ma’ Newsbook.com.mt, Carmel Cacopardo qal li l-mistoqsija għar-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa trid tkun relatata mal-petizzjoni kif ġiet ippreżentata.
Spjega li l-liġi ta’ Malta tistabbilixxi l-mod kif trid titressaq il-petizzjoni iżda mhux fuq kif trid tkun il-mistoqsija fuq id-dokument tal-vot tar-referendum.
Cacopardo qal li f’dan l-istadju għadu kmieni wisq biex jgħid x’tista’ tagħmel il-Koalizzjoni jekk din ma tkunx sodisfatta bil-mistoqsija kif se titressaq.
Newsbook.com.mt staqsa wkoll dwar id-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat, li se jivvota biex il-kaċċa tibqa’ u jekk din tippreġudikax il-mod kif tista’ tivvota sezzjoni kbira tal-poplu Malti. Carmel Cacopardo qal li l-Prim Ministru ma qal xejn ġdid.
Enfasizza li fl-aħħar kampanja elettorali, deher biċ-ċar li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu simpatija lejn il-kaċċaturi.
Qal li din il-kwistjoni ilha ppreġudikata żmien twil u l-partiti politiċi jħarsu lejn il-kaċċaturi skont l-ammont tal-voti li jistgħu jakkwistaw.
Saħaq li l-pożizzjoni taż-żewġ partiti ilha magħrufa.