Awdjo: “Il-Knisja għandha titkellem, anke dwar materji politiċi u kontroversjali”

Il-kunsillier Laburista ta’ Ħal Balzan Desmond Zammit Marmara saħaq li biex tibqa’ entità relevanti għaż-żminijiet tal-lum, il-Knisja trid titkellem dwar dak kollu li għandu impatt fuq is-soċjetà.  
Waqt il-programm Mhux l-Aħħar Kelma fuq Campus FM, Zammit Marmara, li hu wkoll il-President tal-Kumitat Laburista tal-istess lokalità, sostna li l-Knisja ma tistax tibqa’ passiva. Żied jgħid li għandha dejjem issemma l-pożizzjoni tagħha, imbagħad in-nies jagħtu l-ġudizzju tagħhom.
“L-Arċisqof u l-kappillani m’għamlux ħażin li tkellmu dwar it-torrijiet”
Filwaqt li semma l-pożizzjoni tal-Knisja dwar il-kwistjoni tat-torrijiet fl-Imrieħel u f’Tas-Sliema, il-kunsillier saħaq li l-Knisja, l-Arċisqof u l-kappillani jagħmlu sew li jitkellmu, anke dwar materji politiċi jew kontroversjali.”  Żied jgħid li jinsab ċert li meta titkellem il-Knisja ma tkunx qed timponi l-ideat tagħha. Zammit Marmara jemmen li l-Arċisqof għandu jkollu sehem attiv fid-diskussjoni pubblika għax hu dmir tiegħu.
Irrefera għall-Isqfijiet barra minn Malta li wkoll isemmgħu leħinhom, fosthom dak ta’ Canterbury li ħa pożizzjoni dwar Brexit.
“F’demokrazija, lill-Knisja ħadd ma jista’ jagħlqilha ħalqha”
Desmond Zammit Marmara enfasizza dwar id-demokrazija u sostna li la kulħadd għandu ċ-ċans jitkellem, lill-Knisja ħadd ma jista’ jgħidilha biex tagħlaq ħalqha dwar ċerti suġġetti.
Stqarr li demokrazija f’saħħitha ma teżistix jekk kulħadd joqgħod kwiet.
“Jekk persuna waħda tgħid kontra l-Arċisqof, m’għandux jeħel il-partit kollu”
Il-kunsillier Laburista saħaq li jekk ikun hemm persuna waħda prominenti li tgħaddi kummenti, anki goffi, kontra l-Arċisqof, m’għandux jeħel il-partit politiku kollu.  Spjega li dan ma jfissirx li l-membri kollha tal-partit ikunu jaqblu ma’ dawk il-kummenti.
Tkellem ukoll dwar il-kummenti fuq il-mezzi soċjali u saħaq li l-livell m’għadux aċċettabbli. Appella lil min jinsab f’ċerti pożizzjonijiet biex joqgħod attent għax “ċerti valuri qed jintilfu.”
Mhux l-Aħħar Kelma huwa ppreżentat minn Fr Joe Borg u l-Prof. Mary Ann Lauri.