Awdjo: Il-kittieba u l-pubblikaturi jħossu l-ħtieġa li jkollhom unjin

Il-kittieba u l-pubblikaturi jħossu l-ħtieġa li jkunu msieħba f'unjin li għad trid tiġi mwaqqfa.
Ma’ Newsbook.com.mt, iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Mark Camilleri, qal  li minħabba li l-Kunsill qed jikber tinħass il-ħtieġa li jkun hemm liġi.

Camilleri spjega li l-liġi proposta biex il-Kunsill ikun stabilit fil-liġi, fiha ħafna implikazzjonijiet.
Qal li "faċli nemendaw il-liġi tal-Att tal-Edukazzjoni imma nistgħu nagħmlu xi ħaġa aktar komprensiva u li l-liġi tal-kunsill ikollha mekkaniżmu li tirrikonoxxi għaqdiet tal-pubblikaturi u tal-kittieba"
Għaldaqstant nhar is-Sibt 16 ta’ Jannar, il-KNK organizza laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ awturi u pubblikaturi biex jiddiskuti xi proposti u possibilitajiet relatati mal-legiżlazzjoni futura tal-KNK.
Id-diskussjoni trattat temi u punti bħall-bżonn għal Unjin tal-Kittieba u l-Kollettiva tal-Pubblikaturi.
Fil-laqgħa ssemma li l-liġi tal-Kunsill għandha tirrikonoxxi l-għaqdiet u unjins tal-pubblikaturi u l-kittieba, b’mod uffiċjali mill-Istat, peress li dawn qed jiffaċċjaw problemi fis-suq u sfidi kbar.
Permezz ta’ din il-liġi l-għaqdiet u l-unjins ikunu jistgħu jressqu l-aġenda tagħhom b’mod uffiċjali u jkollhom aktar saħħa anki fis-soċjetà.
Mark Camilleri qal li problema rikorrenti li jiltaqgħu magħha l-kittieba u l-pubblikaturi hija l-ksur tal-copyright mill-iskejjel fuq textbooks, minħabba li  ġġib telf ta’ introjtu.
Dwar il-liġi tal-copyright Camilleri qal li m’hemmx x’jinbidel fiha għax hija tajba, imma jekk l-Għaqdiet ikunu rikonoxxuti mill-Istat dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jiġu indirizzati aħjar għax ikollhom aktar saħħa. 
Id-dibattitu dwar din il-liġi beda s-sena li għaddiet. Intant fil-jiem li ġejjin se jitħabbru d-dettalji ta’ laqgħa konsultattiva oħra għall-kittieba li jgħixu fi Brussell.