Awdjo: Il-karru jweġġa’ lit-tfal u l-ġenituri għalxejn – Kummissarju għat-Tfal

Ian Noel Pace

Read in English.

Il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli qalet li l-karru tal-karnival li ġie projbit iweġġa’ għalxejn lit-tfal li twieldu bl-IVF flimkien mal-ġenituri tagħhom.

Miceli qalet lil Newsbook.com.mt li l-karru kien “ħallata ballata”. Staqsiet x’għandhom x’jaqsmu tfal imwielda permezz tal-IVF mal-Arċisqof.

Il-Ministru għall-Kultura José Herrera ta direttiva sabiex ma jitħalliex jipparteċipa fil-karnival il-karru li jorbot lill-Arċisqof Charles Scicluna u lir-residenza tal-Knisja mal-abbuż tat-tfal.

Qalet li fid-dar fejn kien sar l-abbuż illum fiha hemm tfal li huma differenti u li għadhom żgħar. Kien hemm ukoll tibdil fl-istruttura u li ttieħdu l-miżuri kollha biex il-każ ma jerġax jirrepeti ruħu.

“Qed toffendi lit-tfal li qegħdin hemm illum,” qalet Miceli. Żiedet tgħid li jekk wieħed irid jagħmel satira fuq x’kien ġara qabel wieħed jista’ imma spjegat li l-karru mhuwiex satira.

Il-Kummissarju għat-Tfal qalet li r-rekord tal-Arċisqof fejn jidħol l-abbuż tat-tfal huwa “aħjar minn dak tal-imgħoddi”.

Fit-23 ta’ Jannar, l-Uffiċċju tal-Kummissarju kkundanna l-mod kif ġew impenġija t-tfal. Qal li satira bħal din jaf ikollu effett ħażin fuq it-tfal.

Il-karru bl-immaġni ta’ tfal bil-qrun u l-Arċisqof Charles Scicluna quddiem il-faċċata ta’ Dar San Ġużepp, li indika rabtiet bejn il-Knisja u l-abbuż tat-tfal, qajjem furur meta ġie kkundannat pubblikament minn għadd ta’ entitajiet, saħansitra mill-Arċisqof innifsu, u dan wassal biex il-Ministru Jose Herrera jieħu azzjoni u jordna li l-karru jiġi pprojbit milli jipparteċipa fil-Karnival.