Awdjo: Il-Karnival tas-Sajf sewa lill-Gvern €20,000

Skont is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura Josè Herrera, il-Karnival tas-Sajf ta’ din is-sena ġie jiswa lill-Gvern inqas minn €20,000. Dan minbarra l-allokazzjoni ta’ fondi oħra mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-MTA.

Meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, Dr Herrera qal li s-suċċess kbir tal-karnival tas-sajf kien sorpriża sabiħa għalih, hekk kif kellu attendenza ta’ aktar minn 25,000 persuna, kważi daqskemm jattendu għall-karnival tax-xitwa.

Is-Segretarju Parlamentari sostna li dan il-karnival ma tħallasx kollu mill-Gvern, għax il-komunità kummerċjali tat il-kontribut tagħha wkoll.

Saħaq li l-ispiża tal-Gvern għall-karnival tas-sajf ma kinitx esaġerata, iżda r-riżultat kien tajjeb u ġġenera l-kummerċ fl-industrija tat-turiżmu.

Żied jgħid li hemm il-pjan li dan il-karnival jerġa’ jsir is-sena d-dieħla.

Il-Karnival tas-sajf, reġa’ sar din is-sena wara waqfa ta' sena u kien jinkludi defilè madwar it-toroq ta' Buġibba u l-Qawra.