Awdjo: Il-Kardinal Prospero Grech sorpriż bis-sempliċità tal-Papa Franġisku

L-ewwel kummenti tal-Kardinal Malti Prospero Grech, li jgħix Ruma, l-għada li ntgħażel Papa Franġisku huma li laqtitu s-sempliċità li indirizza lin-nies fil-pjazza. Jemmen li Papa Frangisku jista’ jġib bidla kbira fi ħdan il-Knisja.

Mons. Grech qal li issa li l-Knisja għandha Papa minn pajjiż mill-Amerika Latina ifisser ħafna. Dan anke minħabbba li l-maġġoranza tal-Kattoliċi jgħixu hemm. Raġuni oħra hi li Papa Franġisku għex mill-qrib il-faqar u l-umiltà u kien għal din ir-raġuni li forsi għażel l-isem ta’ Franġisk.

Eżatt qabel ma l-kardinali eletturi ssakkru fil-kappella Sistina biex jibdew il-votazzjoni, il-Kardinal Grech ta diskors ta’ madwar 30 minuta lill-kardinali biex javżahom bir-responsabilità kbira li ġew fdati u biex jivvutaw skont il-kuxjenza.

Mons. Grech qatt ma ltaqa’ personalment qabel mal-Papa. Kien sorpriż li Papa Franġisku intagħżel wara 24 siegħa minn meta beda l-konklavi.

Tant u hekk, li l-Kardinal Prospero Grech sar jaf li ntgħażel Papa wara li ċemplulu minn Malta.

Dalgħodu l-Papa Franġisku kellu jiltaqa’ mal-kardinali kollha, inkluż mal-Kardinal Malti Prospero Grech.