Awdjo: Il-Kappillani se jfasslu l-pastorali fuq l-esperjenzi taż-żgħażagħ

Bħalissa ż-żgħażagħ jinsabu fiċ-ċentru tad-diskussjoni tal-Knisja anke fid-dawl tas-Sinodu tal-Isqfijiet li se jsir f’Ottubru li ġej u li l-Papa Franġisku xtaq li jiffoka fuq il-post taż-żgħażagħ fil-Knisja.
Propju għalhekk li l-live-in tal-Kappillani ta’ din is-sena, li qiegħed isir f’dawn il-jiem fis-Seminarju tal-Arċisqof, qiegħed jiddiskuti liż-żgħażagħ bħala element essenzjali f’komunità ta’ fidi.
Newsbook.com.mt tkellem mad-Delegat tal-Arċisqof għaż-Żgħażagħ, Bejnamin Flores Martin, li qiegħed jindirizza dan il-live-in u spjega kif id-diskussjoni maż-żgħażagħ ilha li bdiet u se tkun qed tkompli fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Matul dawn il-jiem, il-Kappillani qed jirriflettu dwar kif il-pastorali fil-parroċċi se tkun qed issir bi preparazzjoni għal dan is-Sinodu, jiġifieri kif il-pastorali se tasal ukoll fil-postijiet fejn hemm iż-żgħażagħ, mhux biss dawk li jmorru l-Knisja imma anke fost dawk li jinsabu ‘l bogħod.
It-tir mhux li ż-żgħażagħ kollha jsiru saċerdoti jew sorijiet imma biex jagħrfu l-vokazzjoni tagħhom. Benjamin Flores Martin spjega kif l-ewwel vokazzjoni li għandu kull Nisrani hija dik li Alla qed isejjaħlu għal qdusija, fejn il-bniedem isir persuna sħiħa u awtentika.
Minn hemm wieħed ikun kapaċi jagħraf dik il-missjoni li Alla qed isejjaħlu għaliha, kemm jekk hija missjoni saċerdotali u sew jekk Alla jrid li jkollu familja.
Fi ftit kliem, it-tema ta’ dan il-live-in u anke tas-Sinodu hija kif il-Knisja se tgħin liż-żgħażagħ jagħrfu dak li Kristu qiegħed isejħilhom għalih.
Fl-aħħar xhur il-Malta Catholic Youth Network iltaqgħet maż-żgħażagħ u semgħet l-esperjenzi tagħhom u huma dawn l-esperjenzi li se jfasslu l-pastorali fil-parroċċi.
Dawn il-laqgħat se jwasslu għal ċelebrazzjoni f’April li ġej, bl-isem ta’  Encounter, fejn iż-żgħażagħ kollha se jingħaqdu f’laqgħa waħda bejniethom u mal-Arċisqof Charles Scicluna
L-għan huwa li meta l-Arċisqof ikun qed jipparteċipa fis-Sinodu, ikun jista’ jwassal ix-xewqat u l-viżjoni taż-żgħażagħ  stess kif jixtieq il-Papa Franġisku.

Ritratti: Il-Knisja f'Malta