Awdjo: “Il-ħmieġ mill-fish farms qed jeqred il-ħut”

L-ambjentalista, il-Professur Alan Deidun qal li l-ħmieġ li qed jidħol b’mod regolari mill-fish farms għal max-xatt qed jaffetwa d-diversità tal-ħlejjaq u dan qed iwassal biex dik iż-żona tkun fjakka fl-għadd ta’ ħut.
Ma’ Newsbook.com.mt Prof. Dediun qal li n-natura kapaċi tikkupra minn dan l-impatt.
Żied jgħid li madankollu l-impatt fuq il-qiegħ tal-baħar mhux bħal tal-wiċċ għax ma jinxteridx u jaqa’ taħt il-gaġeġ.
Saħaq li diffiċli tgħid x’inhu l-agħar għall-ambjent. Qal li għat-turiżmu l-agħar huma ż-żjut għax huma viżibli peress li jidħol fejn jgħumu n-nies.
Minkejja dan, dak li jaqa’ fil-qiegħ ma nagħtux kasu u mhux konxji tiegħu għax ma narawhx peress li hu ’l bogħod minna.
“Fejn qabel Malta għamlet progress kbir fil-kwalità tal-ilma, illum il-ġurnata marret lura”
Il-Professur Alan Deidun qal li l-kwistjoni tal-ilma maħmuġ hija inkwetanti, speċjalment la darba Malta ilha snin sħaħ li żviluppat l-impjant tat-tisfija tad-dranaġġ.
Saħaq li fejn qabel Malta għamlet progress kbir fil-kwalità tal-ilma, illum il-ġurnata marret lura.
Spjega li l-lvant ta’ Malta sar mhux tajjeb għall-għawn speċjalment meta r-riħ ikun ’il ġewwa.
Żied jgħid li apparti l-impatt negattiv fuq l-ambjent, dan mhux riklam tajjeb għal Malta, minħabba li tiddependi fuq is-settur tat-turiżmu.
Ma' Newsbook.com.mt il-Ministeru tal-Ambjent kien qal li wara li tħalliet pendenti għal għal ħafna snin, il-problema tat-tniġġiż mill-fish farms ma tistax tissolva mil-lum għall-għada.
“Misshom ilhom li saru skimmers u pompi li jsaffu l-ilma”
Għadd ta’ residenti ssuġġerew li jsiru xi xbieki biex iżommu l-ikel milli jidħol fix-xatt.
B’reazzjoni għal dan, l-ambjentalista Prof Deidun qal li x-xibka mhix soluzzjoni għax dawk li qed jikkawżaw il-ħmieġ huma partiċelli żgħar u fini li jgħaddu mix-xbieki u jekk ma jgħaddux isoddu x-xibka.
Bħala soluzzjonijiet oħra, Prof Deidun issuġġerixxa skimmers li jiġbru affarijiet mill-wiċċ u pompi li jsaffu l-ilma ma’ kull gaġġa tat-tonn.
Spjega li dan huwa investiment li jrid isir tul is-snin, li fl-opinjoni tiegħu missu sar diġà.
Żied jgħid li ċerti pajjiżi fil-Mediterran investew f’dawn l-impjanti u jemmen li għandhom isiru anke f’Malta.
Fil-jiem li għaddew Newsbook.com.mt kien infurmat li t-tonn tal-fish farms f’San Pawl il-Baħar, ma ngħatax ikel biex ma jiżdiedx il-ħmieġ li qed iqanqal rabja fost ir-residenti u t-turisti.