Awdjo: “Il-ħbieb ma kontx narahom importanti, il-PSD għeni”

Tfajla ta’ 15-il sena li qiegħda fil-ħames sena tas-sekondarja qalet ma’ Newsbook.com.mt, li kellha problema dwar il-ħbieb u li kien bis-saħħa tal-għalliema tal-Personal and Social Development (PSD) li bdiet tqis li l-ħbieb huma importanti f’ħajjitha.
Thrisianne spjegat li kienet l-għalliema stess li ndunat bil-problema tagħha u offriet li tgħinha.
Meta kienet tiltaqa’ magħha waħedha, l-għalliema tal-PSD kienet tispjegalha l-valur li għandhom il-ħbieb fil-ħajja u kif għandha ġġib ruħha magħhom.
Barra minn hekk kienet tmur ukoll għal sessjonijiet ma’ guidance teacher.
Thrisianne enfasizzat dwar l-importanza li l-għalliema tkun kapaċi tifhem lill-istudenti, u forsi anke ċans tismagħhom, biex l-istudenti jħossuhom aċċettati u jsiru aktar kunfidenti.
Dwar il-lezzjonijiet tal-PSD, Thrisianne qalet li jkollhom żewġ lezzjonijiet f’ġimgħa, u tixtieq li jkollhom iktar lezzjonijiet.
Sostniet li meta jkunu gruppi żgħar, tgħinhom iktar.
Ma' Newsbook.com.mt, ilbieraħ il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-PSD, Amanda Bezzina saħqet li minn riċerka li għamlet l-Assoċjazzjoni rriżulta li s-suġġett tal-PSD m'għandux jieqaf fil-kurrikulu tas-sekondarja, imma jibqa' għaddej fl-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja.