Awdjo: Il-ħaddiema tal-HSBC f’Malta “ma jistgħux jitkeċċew”

Il-President tal-Unjin tal-Ħaddiema tal-Banek, William Portelli saħaq li permezz ta’ ftehim li ġie iffirmat mal-kumpanija HSBC, il-bank ma jistax jagħmel “tkeċċija awtomatika ta’ ħaddiema”. 
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Portelli saħaq li l-ftehim, li ġie ffirmat madwar 16-il sena ilu, jorbot lill-HSBC biex f’każ li jkun hemm miżuri fejn jitkeċċew il-ħaddiema, il-bank huwa obbligat ipoġġi fuq mejda mal-unjin biex jiddiskuti.
Il-President tal-MUBE qal li sa fejn jaf hu, Malta mhix imsemmija fil-pjan ta’ tkeċċija tal-ħaddiema minn mal-HSBC.
Huwa insista li x-xogħol tajjeb li qed isir mill-ħaddiema tal-kumpanija f’Malta jiġġustifika l-fatt li m’għandux ikun hemm tkeċċija tal-ebda ħaddiem.
Ilbieraħ, il-bank HSBC ħabbar li se jkun qed itemm l-impjieg ta’ 25,000 ħaddiem minn madwar id-dinja.
Mistoqsi jekk din l-aħbar hix se taffettwa l-ħaddiema f’Malta, Portelli saħaq li “m’għandux ikun hemm effett lokali”.