Awdjo: ‘Il-Ħabsin mhumiex eżiljati… għandhom ikollhom id-dritt tal-vot’

Madwar 150 priġunier minn Malta u Għawdex, mhux se jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjoni ġenerali.

Dan minħabba liġi li tgħid li ħabsin b’sentenza ta’ aktar minn sena ħabs, jittieħdilhom id-dritt tal-vot.

Iċ-chairperson tal-fondazzjoni ‘Mid-Dlam għad-Dawl’, George Busuttil, qal li l-ħabsin diġa qed ipattu tan-nuqqas tagħhom.

Sostna li minkejja l-iżball li għamlu, huma mhux eżiljati mill-pajjiż iżda għadhom ċittadini bi drittijiet u dmirijiet.

Hu qal li jekk il-ħabsin jivvutaw fil-lokalitajiet, tkun biss problema ta’ loġistika mhux ta’ sigurtà.

Madankollu, Mid-Dlam għad-Dawl’ taf li l-opinjoni pubblika tista tkun kontra din id-deċiżjoni li ħabsin jingħataw lura l-vot. Għaldaqstant, il-fondazzjoni tħoss li għandha titqajjem aktar kuxjenza dwar il-ħabs u l-priġunieri.

Busuttil qal li l-unika partit li kien lest jisma din il-proposta, kien l-Alternattiva Demokratika. Tenna li din il-fondazzjoni tittama li fil-futur qarib tintlaqa’ din il-proposta.