Awdjo: Il-Ġwanniżi jferrħu 68 tifel u tifla mill-istituti

“Nifraħ u mill-ftit li għandi nferraħ lil ħaddieħor. Nemmen li mill-ftit li tferraħ, il-Mulej jagħtik ħafna lura”.
Dan kien il-kliem li tenna l-Kappillan ta’ San Ġwann Patri Emmanuel Abela, wara li lbieraħ tfal minn ħames istituti differenti, b’ħerqa kbira fetħu r-rigali tant mixtieqa.
Fl-ewwel Ħadd tal-avvent, siġra tal-Milied ġiet armata bi 68 ballun li fihom tpoġġew karti bl-ismijiet tat-tfal u r-rigali li xtaqu.
It-tfal, li l-età tagħhom tvarja minn tliet snin sa 17-il sena, kienu ġejjin minn Dar San Ġużepp Santa Venera, Dar Santa Rita Ħal Tarxien, Dar San Ġużepp Ħaż-Żabbar,  Dar Santa Tereża ż-Żurrieq u d-Dar tas-Sorijiet tal-Ursolini Gwardamanġa.
Il-parruċċani kienu mistiedna jieħdu ballun u jixtru r-rigal mitlub.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Kappillan stqarr li d-domanda tant kienet kbira li min xtaq seta’ jixtri rigal ieħor u għalhekk l-ammont tar-rigali laħaq dak ta’ 160.
Ir-rigali mixtieqa kienu jinkludu ħwejjeġ, żraben u bżonnijiet personali oħra.
Proprju lbieraħ ġew mogħtija r-rigali biex tkun okkażjoni li fiha t-tfal jiltaqgħu ma’ min xtralhom ir-rigal.
Il-messaġġ li ried iwassal il-Kappillan minn din l-inizjattiva huwa wieħed li jintrabat mal-ġenerożità "għax aħna ġejna msejħa biex naħdmu ma’ min hu batut u fqir u b’hekk inkunu bħal Kristu, nies ta’ qalb ħelwa u umli."