Awdjo: Il-Gvern u l-Oppożizzjoni jaqblu mal-Arċisqof dwar it-tisħiħ tal-fibra morali

Il-Whips tal-Gvern u l-Oppożizzjoni jaqblu li dak li qal l-Arċisqof Pawlu Cremona fl-omelija f’Jum l-Indipendenza dwar il-fibra morali, m’għandux jaqa' fuq widnejn torox.

Waqt il-programm Bir-Rispett Kollu fuq Radju RTK, il-whip tal-Gvern Carmelo Abela qal li “l-kummenti tal-Arċisqof kienu f’waqthom għax is-soċjetà ilha tħoss dan is-sentiment”.

Sostna li ħafna mid-diffikultajiet huma frott s-soċjetà li qed issir iktar individwalista, u minflok kulħadd jieħu ħsieb xulxin f’soċjetà waħda, kulħadd jara li jkun tajjeb hu.

Carmelo Abela rrefera għall-enfasi tal-Arċisqof fuq il-ġustizzja, l-onestà u s-solidarjetà u saħaq li għandha ssir ħidma biex dawn jitilgħu aktar ‘il fuq fl-aġenda.

Spjega kif l-ebda liġi ma tista’ tgħolli l-valuri f’soċjetà, iżda bl-edukazzjoni u l-persważjoni togħla l-fibra morali.

Min-naħa tiegħu, il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius qal li “aktar milli jkun hemm Segretarju Parlamentari jew Ministru li jkollu r-responsabbiltà għall-fibra morali fit-tmexxija, l-Oppożizzjoni tħoss li jkun aktar għaqli jekk jinħatar Kummissarju Parlamentari għall-Istandards jew l-Etika”.

Żied jgħid li dan jista' jsir fl-isfond tal-awtonomija parlamentari.

L-Arċisqof Cremona sostna li kemm il-Knisja kif ukoll l-Istat għandhom jaħdmu sabiex iwasslu l-messaġġ biex ikollna pajjiż aħjar.