Awdjo: “Il-Gvern jiddiskrimina mal-ħaddiema Għawdxin għax ma jeħdux allowances bħall-Maltin”

L-eks-Deputat Laburista Lino DeBono qal li l-Gvern jiddiskrimina lill-ħaddiema Għawdxin f’Malta, fid-dawl tat-trattament li jingħataw il-ħaddiema Maltin li jmorru fuq xogħol Għawdex.
Fil-programm Baħar Jaqsam fuq RTK, DeBono qal li “din hi inġustizzja kbira.”
Spjega li filwaqt il-ħaddiema Maltin li jmorru Għawdex fuq xogħol jitħallsu tal-karozza, tal-vapur u tal-ikel, filwaqt li l-ħaddiema Għawdxin f’Malta “qishom il-ħmar tas-sienja”.
Semma l-eżempju ta’ Kap ta’ Skola li jkollha taqsam kuljum bejn Malta u Għawdex bil-karozza u għalhekk parti kbira mill-paga tmur għall-ispejjeż tal-vapur u l-petrol.
Lino DeBono żied jgħid li l-ħaddiema Għawdxin f’Malta jgħaddu mill-istess sitwazzjoni tal-istudenti Għawdxin li jingħataw sussidju.
Tkellem b’ton iebes kontra dawk il-Maltin li juru li huma superjuri lejn l-Għawdxin għax fi kliemu “l-Għawdxi għandu moħħ biex jaħseb u jiddeċiedi għalih innifsu”.
Saħaq li l-mina bejna Malta u Għawdex hi essenzjali għall-avvanz tal-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta.
L-eks-Deputat Laburista qal li minħabba n-nuqqas ta’ konnettività, dawk kollha li riedu javvanzaw fil-karrieri tagħhom kellhom jitilqu minn art twelidhom u jibdew ħajja ġdida f’Malta jew ‘il barra minn xtutna.
Semma diversi politiċi li fil-passat kellhom iħallu Għawdex biex javvanzaw fil-karriera tagħhom fosthom Fortunato Mizzi, Sir Arturo Mercieca u Sir Luigi Camilleri.
DeBono jisħaq li aċċessibiltà aħjar bejn Malta u Għawdex hija “l-ħolma tal-Għawdxin”.
Tista’ tisma l-intervista sħiħa hawnhekk.