Awdjo: Il-Gvern jagħti art għal 30 sena biex tinbena pixxina mill-privat

Il-Gvern se jagħti l-art biswit il-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex fir-Rabat, b’kirja ta’ 30 sena.
Nathan Farrugia, li hu responsabbli mill-maniġment tal-konsorzju GNI Ltd, spjega ma’ Newsbook.com.mt, li l-investiment se jsir kollu mill-privat u l-Gvern se jagħti l-art b’kirja.
Madanakollu ma tax informazzjoni dwar b’liema valur se tingħata din l-art fi Triq l-Ewropa, minħabba li l-ftehim għadu mhux pubbliku għax għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet.
Dan jikkuntrasta ma’ dak li tħabbar mill-Ministeru għal Għawdex f’Novembru li għadda, meta ġie ffirmat il-ftehim.
Nathan Farrugia spjega li l-Gvern se jkun qed iħallas għal xi servizzi biex jintużaw b’xejn minn Sport on the Move u SkolaSport.
Iżda skont Farrugia, għad m’hemmx ftehim kif se jkun qed juża l-art il-Gvern u għadu lanqas ġie stabbilit x’servizzi se jkunu qed jingħataw b’xejn u f’liema ħinijiet.
Dwar il-kobor tal-art, Farrugia wieġeb biss li l-pixxina waħedha hija kbira 33 metru. Żied jgħid li l-proġett jinkorpora fih pixxina żgħira u sodod għal min ikun irid jorqod hemm.
Dakinhar li ġie ffirmat il-ftehim bejn il-Gvern u GNI Ltd, kien ġie spjegat li l-pixxina se tkun mgħammra b’faċilitajiet sanitarji u changing rooms, filwaqt li se jkollha wkoll stand b’400 siġġu.
Il-faċilità mhux se tintuża biss mill-isportivi imma se tinkludi wkoll pixxina terapewtika għal skopijiet ta’ riabilitazzjoni.
Il-konsorzju GNI Ltd ġie mwaqqaf apposta għal dan il-proġett mill-kumpanija lokali 240 Ltd.