Awdjo: Tal-Birgu u tal-madwar jilqgħu l-istedina għal ikla flimkien

50 persuna u sebat itfal fil-jiem li għaddew laqgħu l-istedina taċ-Ċentru Leap tax-Xlokk u ngħaqdu flimkien f'ikla li ġiet imħejjija għal żmien il-festi.
Ma' Newsbook.com.mt,  Charlotte-Ben Micallef miċ-Ċentru Leap qalet li riedu jwarrbu s-solitudni u l-faqar biex l-ispirtu ta’ għaqda jinħass ukoll min-nies li kienu se jgħadduh waħedhom "għax hi realtà tal-Birgu u tal-madwar".
Iċ-ċentru organizza wkoll suq tal-Milied qrib iċ-Ċentru fejn NGOs u entitajiet privati taw sehemhom biex jiġbru l-fondi.
Bl-inizjattiva ta’ Tgħanniqa, ġiet organizzata wkoll attività fuq ġewwa fejn it-tfal għamlu xi crafts, u magħhom ingħaqdu persuni b’diżabilità u anzjani, fejn ħareġ l-element tad-diversità.
Is-servizz tal-Appoġġ fil-Kottonera u Aġenzija Żgħażagħ taw spazju lit-talent lokali billi ħolqu festin żgħir.
F’kollaborazzjoni ma’ Wasteserv, saret ukoll kompetizzjoni tal-kartolini għat-tfal fir-reġjun biex tinħoloq kuxjenza dwar kif wieħed jista’ jnaqqas il-ħela tal-ikel fiż-żminijiet tal-festi. Il-kompetizzjoni ntrebħet minn tifel ta’ ħames snin li b’mod sempliċi kiteb fuq il-kartolina: Reduction of food during the Christmas Holidays.