Awdjo: Il-ġimgħa d-dieħla se titħabbar lista ta’ bajjiet ‘pet-friendly’

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Annimali Roderick Galdes qal li l-ġimgħa d-dieħla l-gvern se jħabbar il-lista ta’ bajjiet li fihom se jkun permess li jistgħu jgħumu il-klieb.

Waqt li ħa sehem fil-programm ‘Newsbook fis-Sajf’ li xxandar fuq Radju RTK, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li dawn il-bajjiet se jkunu qed jeskludu dawk li huma magħrufa bħala l-Blue Flag Beaches. Qal li dawn il-bajjiet għandhom regolamenti stretti li jridu jiġu segwiti.

Roderick Galdes kompla jgħid li ladarba titħabbar din il-lista ta’ bajjiet li se jkunu pet-friendly, se jibdew ukoll isiru testijiet regolari mid-Dipartiment għas-Saħħa.

Is-Segretarju Parlamentari qal li se jkun hemm kundizzjonijiet speċifiċi għas-sidien li se jniżżlu lill-klieb tagħhom fil-baħar fosthom li ladarba jittella’ mill-baħar, il-kelb irid jinżamm biċ-ċinga u ma jistax jitħalla jiġri fuq il-bajja. Is-sidien iridu wkoll jnaddfu il-ħmieġ li jħallu warajhom il-klieb fuq il-bajjiet.

Fl-aħħar nett appella għar-responsabiltà tas-sidien tal-klieb meta dawn jittieħdu jgħumu fil-bajjiet.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.