Awdjo: Il-Ġermanja…fil-bogħod imma qrib!

Minkejja li ħafna jqisu l-pajjiż tal-Ġermanja 'l bogħod meta kkumparat mal-Ingilterra u l-Italja, kompetizzjoni li saret f'Malta riċentament sfidat din l-impressjoni.

F'intervista lbieraħ waqt il-programm Kull Ħadd Frisk fuq Radju RTK, Katrin Dautel, Assistent Lettur fid-Dipartiment tal-Ġermaniż fl-Università ta' Malta tkellmet dwar il-kompetizzjoni Spot German in Malta.

Dautel spjegat kif il-Ġermanja hija preżenti f'Malta, ħafna aktar milli jaħsbu wħud mill-Maltin u dan jixhduh aktar minn 100 ritratt li daħlu fil-kompetizzjoni.

Ir-ritratti kienu jinkludu ismijiet ta' djar bħal 'Weinachten' (li tfisser Milied) u Berlin; prodotti Ġermaniżi fosthom xarbiet, ċikkulata u karozzi; u kartolini li jmorru lura għall-bidu tas-seklu 20.

Fost l-oħrajn spikka isem ta' triq fin-Naxxar: Triq il-Ġermanja.

Bħalissa dawn ir-ritratti qed jiġu esebiti fil-German Maltese Circle l-Belt.

L-intervista ma' Katrin Dautel fil-programm ippreżentat minn George Cremona, saret hekk kif ilbieraħ stess tħabbar ir-riżultat elettorali fil-Ġermanja. 

Ilbieraħ Angela Merkel reġgħet ġiet ikkonfermata bħala Kanċillier tal-Ġermanja għat-tielet rebħa konsekuttiva, bl-isħaħ riżultat li qatt irnexxielha tikseb mill-1990.
 

Il-programm Kull Ħadd Frisk jixxandar kull nhar ta’ Ħadd bejn l-10.05 am u nofsinhar.