Awdjo: “Il-fondi tal-Gvern lill-NGOs Għawdxin ma tqassmux b’mod loġiku”

Għalliem irtirat li għadu impenjat sew fil-volontarjat, sostna li t-tqassim tal-fondi mill-Gvern lill-NGOs Għawdxin fl-aħħar tal-2015 ma kienx loġiku.
Waqt il-programm Baħar Jaqsam fuq RTK, Antoine Vassallo jispjega kif diversi organizzazzjonijiet b’ħafna membri u li jaħdmu  fis-setturi kollha tas-soċjetà, ma ngħatawx għajnuna finanzjarja, għal kuntrarju ta’ kumitati żgħar ħafna b’żewġ membri biss.
Saħaq li l-kundizzjonijiet tat-tqassim tal-fondi ma kinux loġiċi, u ma onorawx l-iskop oriġinali, li jiġu preferuti dawk l-organizzazzjonijiet li fil-proġetti li jagħmlu ma jaħdmux huma biss, imma jdaħħlu lil oħrajn magħhom.
Antoine Vassallo jsemmi kif f’dawn l-aħħar snin, fil-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet mhux Governattivi f’Għawdex, daħlu individwi mhux esperjenzati biżżejjed, ta’ età żgħira u b’ħin limitat. Żied jgħid li jemmen li kien hemm min fosthom fittex interess u gwadann personali.
Ikompli jgħid li saru diversi żbalji f’ċertu bidliet fl-istatut, li ma kinux maħsuba biżżejjed fid-dettall.
“Dan l-aħħar, il-Kunsill ftit li xejn żamm kuntatt mal-membri u mal-għaqdiet,” kompla jgħid Vassallo.
Semma wkoll kif għal xi raġuni nħatar bord elettorali li mhux magħmul min-nies involuti fil-volontarjat Għawdxi.  Żied jgħid li “ġew ivvintati regolamenti għall-elezzjoni tal-Kunsill li se ssir waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali (AGM) tal-lejla, liema regolamenti huma diffiċli li jħajru lil dak li jkun joħroġ għall-elezzjoni. “
Imħasseb ukoll li l-Assoċjazzjoni, minflok li tibqa’ tonora l-għan tagħha li tgħin lis-settur tal-volontarjat f’Għawdex, qed tinħela f’ħafna burokrazija.
Vassallo jesprimi t-tama li fl-AGM tal-lejla, jiġu elenkati l-pjanijiet b’mod ċar biex is-settur tal-volontarjat f’Għawdex jibqa’ jissaħħaħ.
Iħassbu l-fatt li AGM bħal din li jattendu għaliha l-mijiet, ma tkunx irrappurtata fil-mezzi tax-xandir. Saħaq li din is-sitwazzjoni tinteressa lis-soċjetà kollha u mhux biss lil dawk involuti fil-volontarjat.
Tista’ tisma’ l-kumment sħiħ waqt Baħar Jaqsam, illum fit-3.05pm fuq RTK 103FM.