Awdjo: Il-fondi li kisbet Malta mill-UE fiċ-ċentru tal-attivitajiet politiċi tal-PN

Il-fondi Ewropej u n-negozjati tal-Prim Ministru fid-diskussjonijiet tal-baġit Ewropew, komplew jiddominaw l-attivitajiet politiċi tal-Partit Nazzjonalista.

F’attività politika f’Għawdex, il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi, qal li wara li rnexxielu jinnegozja b’riżultati pożittivi il-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin, Partit Nazzjonalista fil-gvern irid jassigura li dawn il-fondi jintużaw bl-aħjar mod.

Il-Prim Ministru qal li minn dan il-biljun ewro, il-Partit Nazzjonalista jinvesti partijiet kbar minnu fil-futur taż-żgħażagħ u tat-tfal.

Huwa qal li b’kuntrast mill-Partit Laburista, hu jista jagħti garanzija li l-futur jibqa fis-sod u li dan mhumiex wegħdiet biss.

Fost diversi temi, il-Prim Ministru semma wkoll li Għawdex se jibbenefika minn ammont konsiderevoli ta’ fondi ewropej fosthom fil-biedja. Semma wkoll li 19-il elf persuna jirċievu stipendji, u li studenti Għawdxin jirċievu wkoll inċentivi u għajnuna finanzjarja.