Awdjo: Il-fjamingi nieqsa jintlemħu qrib il-Qawra, iċ-Ċirkewwa u Għawdex

Wara li matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt żewġ fjamingi kienu rrapurtati nieqsa mir-riserva naturali tal-Għadira, żewġ membri tal-Għaqda Kaċċaturi San Ubertu rrapurtaw li lemħu żewġ fjamingi fl-inħawi taċ-Ċirkewwa u barra l-kosta tat-tramuntana ta’ Għawdex.
Għal ħabta tal-għaxra ta’ dalgħodu, kaċċatur ieħor lemaħ żewġ tajriet, li possibilment huma żewġ fjamingi, 'il barra mill-ponta tal-Qawra.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, il-President tal-Kaċċaturi San Ubertu, Mark Mifsud Bonnici, qal li malli ħarġet l-aħbar, l-Għaqda talbet lill-membri tagħha biex jgħinu fit-tfittxija.
Spjega li s'issa kienu tliet membri li rrapurtaw li lemħu l-fjamingi, filwaqt li sar avviż ieħor fuq il-midja soċjali biex aktar membri jirrapurtaw jekk jarawhom.
Dwar l-investigazzjoni mill-Pulizija, Mifsud Bonnici qal li l-Għaqda tixtieq tistabilixxi jekk kienx hemm żgass u jekk l-għasafar ġewx imfittxija apparti mill-Għadira.
Żied li jispera li l-Pulizija tippublika malajr ir-riżultati tal-investigazzjoni, biex l-Għaqda tkunx tista’ tistabilixxi jekk it-tajriet li ntlemħu humiex il-fjamingi rrapurtati nieqsa mill-Għadira.
Intant matul il-ġurnata tas-Sibt, wardens tar-riserva għamlu spezzjoni fuq il-post u sabu ħaxix mgħaffeġ, sinjali taż-żraben u anke injama li possibilment intużat biex xi persuni daħħlu fuq il-post.
Il-fjamingi kienu tpoġġew fir-riserva f’Settembru li għadda.
Min ikollu xi informazzjoni dwar dan l-għibien jista’ jċempel lill-Pulizija fuq 119 jew inkella jagħmel kuntatt permezz tal-midja soċjali lil Kaċċaturi San Ubertu u anke lil BirdLife Malta.