Awdjo: ”Il-bini esaġerat hu mażra m’għonqna”

L-infermiera Anna Schembri tisħaq ma’ Newsbook.com.mt dwar l-importanza tal-ispazji miftuħa għas-saħħa mentali.
Anna, għadha kemm mexxiet b’suċċess protesta ma’ grupp ta’ residenti minn Ħ’Attard sabiex ma jsirx żvilupp f’żona kbira miftuħa, li fadal f’tarf il-lokalità.
L-iżvilupp propost kien jikkonsisti f’numru kbir ta’ appartamenti u penthouses, li jieħdu post żona, li parti kbira minnha għadha tinħadem mill-bdiewa.
L-applikazzjoni emendata, li għad trid tiġi kkunsidrata, hi biex jinbnew vilel u djar. 
Il-ħolma ta’ Anna u ta’ residenti oħrajn hi li din iż-żona tibqa’ fl-istat naturali tagħha jew jekk le, tinbidel f’ żona ta’ rikreazzjoni fejn il-prijorita’ tkun ‘Serħan il-Moħħ.’ L-idea hi li l-ambjent ikun mimli siġar endemiċi, passaġġi fuq il-blat u ħitan tas-sejjieħ. Tippropooni wkoll li tinbena kappella ċkejkna f’nofs il-wesgħa.
Tgħid li dan kollu jista’ jsir jekk il-Gvern jixtri din iż-żona b’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea.    
Anna tispjega kif il-mard mentali se jkompli jiżdied hekk kif qed jinbena kullimkien. Qalet li llum qed ngħixu ħajja iktar stressanti u fl-istess waqt il-ftit ftuħ li fadal qed jiġi maħnuq.
Tinsisti li l-poplu ma kellux informazzjoni biżżejjed fl-2006 dwar il-bidla fil-pjan ta’ fejn jista’ jsir żvilupp, u issa li bdew jinħarġu l-permessi, u n-nies bdew jintlaqtu individwalment, qed jindunaw b’dak li qed jiġri bl-iżvilupp sfrenat.